L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji esprima tħassib li l-banek u l-awtoritajiet regolatorji qed jgħabbu lill-klijenti tagħhom b’burokrazija eċċessiva fi sforz biex jinfurzaw regolamenti kontra l-ħasil tal-flus. Fid-dawl ta’ dan hu appella għal soluzzjoni “biex titnaqqas il-burokrazija bla bżonn li tista’ tagħmel il-ħajja tal-klijenti diffiċli u tista’ wkoll tnaffar l-investiment fis-servizzi finanzjarji u b’hekk ixxekkel l-ekonomija”. “Iktar kemm dan isir malajr, iktar aħjar,” żied jgħid.

Reno Borg għamel dan l-appell fir-rapport annwali tal-2020 tal-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. Imwaqqfa fl-2016, din l-istituzzjoni tieħu ħsieb ilmenti relatati mal-industrija tas-servizzi finanzjarji bħal banek, assigurazzjonijiet u kumpaniji ta’ investiment u tista’ tillikwida danni sa €250,000.

Is-settur tas-servizzi finanzjarji Maltin ilu taħt skrutinju mill-2016 minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers. Dan kien segwit minn skandli oħra fosthom dak tal-Pilatus Bank li kien ġie deskritt bħala makna tal-ħasil għall-flus mill-kriminalità u l-korruzzjoni, il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u allegazzjonijiet serji fuq il-kapijiet l-awtoritajiet regolatorji tas-servizzi finanzjarji. Din id-dekadenza fil-governanza laħqet il-qofol tagħha meta din is-sena Malta tpoġġiet fuq il-lista griża tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

Filwaqt li dan qed jagħmel ħsara kbira għar-reputazzjoni ta’ Malta, ir-riperkussjonijiet inħassew l-aktar minn ċittadini onesti, NGOs u negozji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ regolamentazzjoni qawwija jekk mhux sproporzjonata. L-Arbitru innota li numru sinifikanti ta’ lmenti li rċieva s-sena l-oħra kienu dovuti għal restrizzjonijiet u obbligi ġodda li joħorġu minn regoli iktar stretti kontra l-ħasil tal-flus imposti minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji.

Għalkemm uħud minn dawn l-ilmenti ma kinux ġustifikati, l-arbitru appella lill-bankiera biex jibdew kampanja edukattiva biex jispjegaw regoli ġodda u r-raġunijiet għaliex il-klijenti kienu mistennija li jikkonformaw magħhom. Hu rrimarka li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa bejn il-bankiera u l-klijenti tagħhom jagħtu lok għal tilwim bla bżonn li jista’ jiġi evitat biss permezz ta’ linja ta’ komunikazzjoni sempliċi u adegwata.

Fl-2020 l-Uffiċċju irċieva aktar minn 1,000 ilment li 145 minnhom wasslu għall-ftuħ ta’ proċeduri formali. L-aktar li daħlu kien mis-settur tal-assigurazzjoni (89), partikularment dwar poloz tal-ħajja (39).

Fis-settur bankarju ġew irreġistrati 22 ilment formali inkluż każ li fih bank kien irrifjuta li talba minn klijent biex jiġbed il-flus mill-kont tiegħu stess mingħajr spjegazzjoni. Jirriżulta li wħud mill-fondi f’dan il-kont kienu qed jiġu depożitati minn omm il-klijent li kellha mandat sekwestru fuqha. Il-bank iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu għax beża’ li jekk jippermetti lill-klijent jiġbed il-flus ikun qed ikun kompliċi biex jikser il-mandat ta’ sekwestru.

Madankollu, l-Arbitru ma qabilx mad-deċiżjoni ta’ dan il-bank u qal li dan kellu l-ewwel jikkonsulta mal-Qorti, filwaqt li nnota li anke f’każijiet bħal dawn sid il-kont iffriżat xorta għandu dritt jiġbed €698.81 fix-xahar biex jiggarantixxi ħajja diċenti. Il-bank appella mid-deċiżjoni.