Il-Kummissjoni Ewropea reċentement adottat il-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol 2021-2027, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ħaddiema fid-dawl tal-pandemija COVID-19.
Il-qafas strateġiku jaġġorna r-regoli billi jistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa biex titjieb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema matul is-snin li ġejjin u jiffoka fuq tliet miri ewlenin:

  1. L-antiċipazzjoni u l-immaniġġjar tal-bidla fid-dinja l-ġdida tax-xogħol
    Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Postijiet tax-Xogħol u d-Direttiva dwar it-Tagħmir tal-Wiri (Display Screen Equipment Directive), aġġornament tal-limiti protettivi fuq l-asbestos u ċ-ċomb u, inizjattiva ġdida li tivvaluta kwistjonijiet emerġenti relatati mas-saħħa mentali tal-ħaddiema u tressaq gwida għall-azzjoni.
  2. It-titjib tal-prevenzjoni ta’ mard u inċidenti relatati max-xogħol
    L-eliminazzjoni ta’ mwiet relatati max-xogħol fl-UE, u l-aġġornament tar-regoli dwar kimiċi perikolużi biex tikkumbatti l-mard tal-kanċer, riproduttiv u respiratorju.
  3. Żieda fit-tħejjija għal xi theddid għas-saħħa fil-ġejjieni
    L-iżvilupp ta’ proċeduri ta’ emerġenza u gwida għall-iskjerament rapidu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri fi kriżijiet potenzjali tas-saħħa futuri, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ oqsma importanti tas-saħħa pubblika.

L-aġġornament tal-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-2021-2027 jimplimenta l-prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.