Is-sena li għaddiet l-Awtorità tal-Artijiet kompliet toħroġ permessi biex stabbilimenti tal-ikel joħorġu imwejjed u siġġijiet f’postijiet pubbliċi bħal pjazez, promenades u fuq bankini. Madankollu, ir-regolatur mhux qed jgħid x’azzjoni ta’ infurzar ittieħdet biex tassigura li tali konċessjonijiet ma jiġux abbużati.

Il-ħruġ ta’ dawn il-permessi minn dejjem kien kontroversjali peress li huwa sors ta’ lmenti dwar operaturi ta’ stabbilimenti li jmorru lil hinn mill-ispazju allokat tagħhom u xi drabi jostakolaw bankini u spazji pubbliċi. Filwaqt li dawn il-konċessjonijiet jgħinu biex jiġġeneraw attività ekonomika, l-imblukkar tal-aċċess f’zoni pedonali jista’ jpoġġi lill-anzjani u lill-ġenituri bi tfal żgħar f’riskju.

Jirriżulta li fl-2020, l-Awtorità ħarġet 73 permess għal imwejjed u siġġijiet, u b’hekk in-numru totali ta’ konċessjonijiet tela’ għal xejn inqas minn 2,400. Madankollu, din iċ-ċifra tinkludi permessi għal billboards. Ir-rapport innota li d-dħul mill-konċessjonijiet ta’ mwejjed u siġġijiet telgħa minn €29,339 fl-2019 għal €115,988 fl-2020 filwaqt li fil-każ ta’ permessi għal avvenimenti ta’ darba, iż-żieda kienet minn €67,238 għal €428,226.

Skond l-Awtorità dawn il-permess jinħarġu f’żewġ stadji fejn l-applikant l-ewwel għandu jkollu permess ta’ żvilupp. Barra minn hekk, il-konċessjoni trid tibqa’ tiġġedded kull sena. Rigward l-infurzar, ir-rapport annwali jiddikjara li din hija “funzjoni kritika iżda delikata” biex ikun assigurat li l-abbuż fuq art pubblika jiġi spezzjonat, investigat u li tittieħed kull azzjoni li jkun hemm bżonn. Madankollu, ir-rapport ma jsemmix x’ħidma saret jiġi żgurat li dawk li għandhom konċessjonijiet għal imwejjed u siġġijiet ma jiksrux il-kundizzjonijiet.

Mistoqsijiet mibgħuta minn Voice of the Workers Weekly lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar in-numru ta’ spezzjonijiet imwettqa u l-azzjoni li ttieħdet meta nstabu irregolaritajiet, baqgħu mhux imwieġba sa meta inkitbet din l-istorja.

Għalkemm fl-aħħar għaxar snin kien hemm żieda qawwija f’konċessjonijiet bħal dawn, il-kwistjonijiet tal-infurzar minn dejjem kienu problema. Fl-2013 investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman kienet ikkonkludiet li s-sistema ta’ infurzar kienet frammentata, ineffiċjenti u mhux adegwata biex tittieħed azzjoni meta jkun hemm ilmenti. Dan minħabba l-fatt li hemm diversi entitajiet involuti fosthom il-pulizija, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Dak iż-żmien il-Kummissarju għall-Ambjent kien issuġġerixxa li dawn iż-żoni jiġu mmarkati b’sinjali tal-metall fl-art waqt li jinħarġu multi fuq il-post mill-gwardjani lokali jew mill-pulizija. Madankollu, il-Kummissarju insista li għandu jkun hemm entità waħda biss li tikkoordina l-infurzar.

Fl-investigazzjoni tiegħu il-Kummissarju kien innota li d-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern, li llum saret l-Awtorità tal-Artijiet, ma kinitx irrispondiet il-mistoqsijiet tiegħu. Għaddew tmien iżda jidher li l-affarijiet ftit li xejn inbidlu.