“Jekk ma jkunx hemm intervent tal-gvern jew għajnuna mill-familja, iż-żgħażagħ Maltin ftit li xejn għandhom prospetti li jikru jew jixtru dar, sakemm ma jiżżewġux, jikkoabitaw jew jirrilokaw f’Għawdex.”

Din il-konklużjoni toħroġ minn studju riċenti ppubblikat mill-Awtorità tad-Djar dwar l-affordabbiltà tad-djar fil-kuntest tal-iżviluppi f’dan is-settur li fl-aħħar għaxar snin għadda minn bidliet kbar. Mhux xi sigriet, li din il-kwistjoni qed issir ta’ tħassib kbir hekk kif wasalna f’punt fejn parti sinifikanti tal-popolazzjoni Maltija m’għandha l-ebda prospett reali li tixtri proprjetà, żgħira kemm hi żgħira, u lanqas li tikri. Fil-fatt, wieħed mix-xenarji ppreżentati f’dan l-istudju – dak li tinkera kamra waħda f’dar – sa ftit snin ilu ma kien jgħaddi minn moħħ ħadd. Sa ftit snin ilu, l-akkomodazzjoni kienet għadha affordabbli, għalkemm l-għażliet bdew jonqsu. Filwaqt li sa 40 sena ilu dar kienet pjuttost affordabbli, hekk kif il-prezzijiet għolew, is-suq tal-propjetà beda jinbidel u mxejna għal maisonettes u fl-aħħar mill-aħħar għal appartamenti. Illum il-ġurnata, appartment bi tliet kmamar tas-sodda hu meqjus bħala lussu għal min se jixtri l-ewwel darba. Xejra simili kienet irreġistrata fis-suq tal-kera.

Din is-sitwazzjoni qed ikollha impatti fuq livell soċjali. Tradizzjonalment iż-żgħażagħ f’Malta jitilqu mid-dar konsiderevolment tard f’ħajjithom meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Filwaqt li f’Malta l-età medja għal tali ċaqliq hija ta’ 30 sena, f’ċerti partijiet tal-Ewropa dan jiġri bejn 18 u 22 sena. Madankollu, it-tnaqqis fl-affordabbiltà tad-djar li seħħ fl-aħħar għaxar snin ifisser li din m’għadhiex kwistjoni ta’ kultura iżda ta’ mezzi finanzjarji.

Skont dan l-istudju ż-żgħażagħ bi qligħ minimu waslu fi stadju li lanqas ma jaffordjaw li jikru kamra waħda! Ċirkostanzi bħal dawn ma jawguraw tajjeb xejn. Konsegwentement, il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ f’Malta m’għandhomx il-mezzi biex jgħixu bil-mezzi tagħhom biss u jridu jiddependu fuq il-familja estiża tagħhom, l-istat jew ifittxu li jgħixu ma xi ħadd biex jaqsmu l-piż.

Minn perspettiva ta’ policy s-sitwazzjoni tqanqal mistoqsijiet delikati ħafna: Dan kollu kemm qed iħalli impatt fuq id-deċiżjonijiet tul il-ħajja bħal jekk jidħolx f’relazzjoni sabiex iżid iċ-ċans li tixtri jew tikri propjetà? Hemm riskju li ż-żgħażagħ jidħlu fl-impjieg aktar milli jkomplu l-istudji tagħhom biex jidħlu fis-suq tal-proprjetà fi stadju aktar bikri qabel ma jkomplu jogħlew il-prezzijiet? Ġenituri li qed jikbru qed ikollhom jibqgħu jaġdmu wara l-irtirar biex jgħinu lil uliedhom jagħmlu dan il-pass? X’inhu r-riskju ta’  li persuni jispiċċaw bla saqaf fuq rashom għal dawk li m’għandhomx mezzi finanzjarji?

Il-kwistjoni tal-affordabbiltà tad-djar u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja huma bla dubju l-akbar żewġ kwistjonijiet li qed jinkwetaw lill-gvern. Ovvjament, li ma tagħmel xejn mhix għażla. Hemm diversi għodod li jistgħu jintużaw mill-gvern fosthom tnaqqis fit-taxxa, għotjiet għall-akkomodazzjoni u sussidji. Kwalunkwe tentattiv biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni jrid iħares lejn l-għeruq tal-problema fosthom is-saħħa tal-pagi meta mqabbla mal-prezzijiet tal-propjetà, l-influss tal-barranin fir-rigward taż-żieda qawwija fid-domanda li jwassal għal żieda fil-prezz, u ż-żieda fl-ispejjeż tax-xogħol u l-materja prima. Aktar importanti minn hekk, jista’ jkun li jkollna nikkunsidraw mill-ġdid il-mudell ekonomiku peress li huwa pjuttost stramb kif din il-problema sibniha ma wiċċna fi żmien meta Malta gawdiet minn tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Ovvjament, xi ħaġa marret ħażin… xi ħaġa trid issir.