In-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill laħqu ftehim proviżorju dwar abbozz ġdid li jimmira li jiżgura li t-trasferimenti tal-crypto currency dejjem ikunu jistgħu jiġu traċċati u t-tranżazzjonijiet suspettużi jiġu mblukkati.

Kontrolli akbar

Il-ftehim jestendi l-hekk imsejħa “regola tal-ivvjaġġar”, li diġà teżisti fil-finanzi tradizzjonali, biex tkopri trasferimenti fi crypto currency. Din ir-regola teħtieġ li l-informazzjoni dwar is-sors tal-assi u l-benefiċjarju tiegħu tivvjaġġa mat-tranżazzjoni u tinħażen fuq iż-żewġ naħat tat-trasferiment. Fornituri ta’ servizzi ta’ crypto assets (CASPs) se jkunu obbligati jipprovdu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti jekk issir investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Billi t-tranżazzjonijiet faċilment jaħarbu l-limiti eżistenti li jwasslu għal rekwiżiti ta’ traċċabbiltà, in-negozjaturi tal-Parlament assiguraw li m’hemm l-ebda limiti minimi u lanqas eżenzjonijiet għal trasferimenti ta’ valur baxx, kif propost oriġinarjament.

Rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, inkluż isem u indirizz meħtieġ mir-regola tal-ivvjaġġar, in-negozjaturi qablu li jekk ma jkun hemm l-ebda garanzija li l-privatezza tiġi mħarsa minn min jirċievi, tali informazzjoni ma għandhiex tintbagħat.

It-trażżin tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Qabel ma jagħmlu l-crypto assets disponibbli għall-benefiċjarji, il-fornituri se jkollhom jivverifikaw li s-sors tal-assi mhuwiex suġġett għal miżuri jew sanzjonijiet restrittivi, u ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

In-negozjaturi qablu li t-twaqqif ta’ reġistru pubbliku għal CASPs mhux konformi u mhux sorveljati, li magħhom CASPs tal-UE ma jitħallewx jinnegozjaw, se jkun kopert fir-regoli dwar is-Swieq fi Crypto Assets (MiCA), li bħalissa qed jiġu nnegozjati .

Il-passi li jmiss

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni issa qed jaħdmu fuq l-aspetti tekniċi tat-test. Minn hemm ’il quddiem, il-ftehim irid jiġi approvat mill-Kumitati għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u Libertajiet Ċivili u Ġustizzja u l-Parlament kollu kemm hu, qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.