Fis-7 ta’ Ġunju, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju dwar l-abbozz ta’ direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE.

Ladarba tiġi adottata, din id-Direttiva se tippromwovi l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji u b’hekk tgħin biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-impjegati Ewropej.

Id-direttiva proposta dwar il-paga minima mhijiex waħda għal kulħadd, peress li permezz ta’ din id-Direttiva l-UE mhix qed timmira li tintroduċi paga minima Ewropea komuni. Għall-kuntrarju, id-Direttiva taħseb għat-tradizzjonijiet u l-punti tat-tluq differenti tal-Istati Membri differenti u ssaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali u n-negozjar kollettiv.

Din id-Direttiva tistabbilixxi proċeduri għall-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji, tippromwovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u ssaħħaħ l-aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima għal dawk il-ħaddiema li huma intitolati għal paga minima taħt il-liġi nazzjonali – eżempju permezz ta’ paga minima statutorja jew ftehimiet kollettivi .

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa se jkollhom japprovaw formalment dan il-ftehim qabel ma jidħol fis-seħħ bħala Liġi tal-UE. L-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jittrasponu d-direttiva fil-liġi nazzjonali.