Minkejja x-xejra inkwetanti fl-għoli tal-ħajja li żdiedet sew fl-aħħar sena, jidher li hemm min qed jipprova jikkonsla bil-fatt li meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa s-sitwazzjoni f’Malta mhix daqshekk ħażina. Dan huwa s-sentiment li qed joħroġ mill-midja b’titli bħal ‘Malta bl-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-UE’. Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li dawn l-aħbarijiet huma riproduzzjoni leali ta’ dak li qed tgħid l-istatistika, xorta waħda jinħass li x’imkien hemm xi ħaġa li mhux qed tagħmel kompletament sens. Jekk tmur is-supermarket u l-ħanut tal-merċa tirrealizza li l-prezzijiet qed jogħlew ħafna. Kif jista’ jkun li fil-kumplament tal-Ewropa sejrin agħar?

Ir-raġuni għal dawn ir-realtajiet li jidhru konfliġġenti tista’ tkun fil-mod li qed tkun kwotata l-istatistika. Filwaqt li m’għandna l-ebda raġuni biex niddubitaw dwar l-affidabbiltà tal-istatistika ppreżentata kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, meta tifli ċ-ċifri fid-dettal l-istampa tista’ tkun kemxejn differenti. Jidher li ftit huma konxji li ċ-ċifra tal-inflazzjoni hi kkalkulata billi tittieħed medja fuq firxa ta’ setturi ekonomiċi bħal ħwejjeġ, ikel, djar, enerġija, xorb, tabakk, trasport, kura personali, rikreazzjoni u anke ikel għall-annimali domestiċi. Għalhekk, ir-rata ġenerali tal-inflazzjoni mhux bilfors tirrifletti dak li  jkun qed jiġri f’setturi partikolari.

Dan huwa l-każ għall-prezzijiet tal-ikel f’Malta. Jirriżulta li fiz-zona ewro r-rata annwali tal-inflazzjoni f’Ġunju 2022 fuq l-ikel, l-alkoħol u t-tabakk kienet ta’ 8.9%. F’Malta, ir-rata rispettiva kienet ftit inqas fil-livell ta’ 8.6%. Madankollu, din kienet ogħla minn  Franza (5%) u Ċipru (6.2%) – dan tal-aħħar jixbah lil Malta, billi huwa stat gżira fil-Mediterran b’ekonomija miftuħa bħal tagħna. Għalhekk, l-għoli tal-ħajja fuq oġġetti essenzjali f’Malta qed tiżdied bl-istess livell tal-bqija tal-Ewropa.

L-istess argument japplika wkoll għall-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut – li huwa metodu  differenti biex jitkejjel il-bidliet fl-għoli tal-ħajja. Għal darb’oħra, iċ-ċifra ġenerali tista’ ma tgħidx l-istorja kollha. F’Mejju l-inflazzjoni kienet ta’ 6.02% iżda meta wieħed iqis l-ikel biss iż-żieda annwali kienet ferm aktar evidenti ta’ 10.6% u fil-każ tal-materjali għall-manutenzjoni tad-dar ta’ 17.91%. L-ikel għall-annimali domestiċi kien fi 12.32%.

Fuq nota pożittiva, il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta qed jinżammu taħt kontroll grazzi għas-sussidji tal-gvern fuq l-ilma, id-dawl u l-fuel. Madankollu, biex inkunu ġusti għandna nippreżentaw l-istampa kollha meta nitkellmu fuq l-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, il-mezzi tax-xandir għandhom id-dmir li jidħlu fil-fond tal-istatistika u mhux sempliċiment jikkupjaw kelma b’kelma dak li qed jinkiteb minn ħaddieħor.

Għall-futur, il-konsumaturi jistennew kontrolli aktar stretti mill-awtoritajiet biex ikunu f’pożizzjoni jieħdu deċiżjoni infurmata jekk ċertu prezzijiet hux qed jogħlew minħabba spejjeż ogħla minn barra jew hux minħabba li jkun hemm min qed japprofitta ruħu. Kull ma hemm bżonn huwa monitoraġġ aħjar tal-prezzijiet. F’dan ir-rigward nistennew li l-awtoritajiet jippreżentaw proposti li jiskoraġġixxu ċerti abbużi. Fil-preżent, l-unika għodda għall-konsumaturi hija li jxandru min qed jabbuża fuq il-midja soċjali. Madankollu, il-gvern m’għandux jabdika milli jagħmel il-parti tiegħu biex iħares il-konsumaturi u l-bejjiegħa onesti.