Il-ħruġ mix-xena ta’ Angela Merkel se jkun ta’ detriment għall-Ewropa f’dan iż-żmien instabbli
L-aħbar li Angela Merkel se twarrab minn mexxej tal-Partit Demokristjan fil-Ġermanja ħasdet lil ħafna politiċi u osservaturi internazzjonali.
Se jkun hemm ġenerazzjoni ta’ Ġermaniżi li se jdumu ma jaċċettaw il-politika Ġermaniża mingħajr Angela Merkel. Hi ħabbret li mhix se tikkontesta mill-ġdid għal mexxej taz-CDU – rwol li Merkel kienet ilha tokkupa sa mis-sena 2000. Angela Merkel kienet kanċillier mill-2005 u tista’ tibqa’ għaddejja f’dik il-kariga, imma d-dikjarazzjoni li għamlet nhar it-Tnejn 29 ta’ Ottubru se toħloq bidla fl-istat minn mexxej għal mexxej temporanju.
Il-qagħda domestika ta’ Angela Merkel bdiet tixxellef mindu l-elezzjonijiet tas-sena li għaddiet sfurzawha f’koalizzjoni instabbli mal-Partit Soċjal Demokratiku. Dik is-sħubija elevat il-partit tal-lemin estrem, Alternative fϋr Deutschland (AfD), għall-istat tal-partit tal-oppożizzjoni ewlieni b’mod awtomatiku. L-elezzjonijiet reġjonali li ġew wara saħħew is-sens ta’ telqa fiċ-ċentru tal-ispettru politiku, hekk kif il-votanti qed jersqu ‘l barra minnu. Stħarriġ li sar fil-belt ta’ Hesse fil-jiem li għaddew intrebaħ miz-CDU, imma s-sehem tal-partit ħa daqqa ‘l isfel b’aktar minn 11-il punt. Il-Partit Soċjal Demokratiku naqqas mill-appoġġ, filwaqt li l-partit tal-Ħodor u l-AfD iggwadanjaw b’mod sinifikanti.
Sadattant, osservaturi internazzjonali ammiraw id-deċiżjoni ta’ Merkel li tilqa’ lir-refuġjati Sirjani – mossa li ħafna iddeskrivewha bħala l-paladina tat-tolleranza u l-governanza tajba dinjija. Imma l-ġenerożita’ tagħha biex tiftaħ il-fruntieri Ġermaniżi ħalli tilqa’ lir-refuġjati ma niżlitx tajjeb fil-politika domestika.
Il-Ġermanja qed tinqata’ mill-era ta’ Merkel. It-transizzjoni se titfassal, iżda l-konferma ta’ Merkel li titbiegħed mit-tmun taz-CDU qed tqajjem tħassib madwar l-Ewropa. Meta titlaq mix-xena, l-era ta’ Angela Merkel se tħalli vojt kbir.
Il-kanċillier Ġermaniż kienet promotur tal-valuri ċivili. Id-demokrazija liberali teħtieġ ħafna bħalha.