Il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini bit-tema “Għid tiegħek dwar l-Ewropa” se jiġu fi tmiemhom fid-9 ta’ Novembru b’avveniment li se jara l-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat. L-avveniment, is-seba’ mis-serje, se jiffoka fuq ir-rispons li ntlaqa’ matul il-konsultazzjonijiet preċedenti tal-istess serje. L-avveniment se jsir fil-Berġa ta’ Aragona, il-Belt fis-7 p.m. 

Il-konsultazzjonijiet qed isiru fl-istati membri kollha tal-UE minbarra fir-Renju Unit, fuq l-inizjattiva tal-President Franċiż Emmanuel Macron. Iċ-ċittadini qed jingħataw l-opportunita’ biex isemmgħu l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa. Il-MEUSAC ġiet inkarigata biex torganizza dawn l-avvenimenti f’Malta. Rapport se jinġabar mill-MEUSAC u jgħaddi f’idejn il-Kunsill Ewropew mill-Prim Ministru għall-kunsiderazzjoni sa tmiem din is-sena. Il-Prim  Ministru wkoll enfasizza l-ħtieġa sabiex in-nies b’ideat differenti jkunu mismugħa, anki dawk li ma jaqblux mal-UE jew li jħossuhom esklużi mill-UE. 

Konsultazzjonijiet li saru fil-passat trattaw il-futur tal-biedja, industriji innovattivi, il-migrazzjoni u diversi aspetti soċjali. 

Il-konsultazzjoni se tkun bil-Malti, madankollu, kelliema li ma jkunux Maltin jistgħu wkoll jintervjeni bl-Ingliż. 

Sabiex tirreġistra l-attendenza tiegħek, ibgħat email fuq info.meusac@gov.mt 

Għal aktar  informazzjoni żur is-sezzjoni tal-MEUSAC dwar il-futur tal-Ewropa jew il-paġna tal-avvenimenti. Tista’ wkoll issegwi l-aġġornamenti kontinwi fuq Facebook.