Sitwazzjoni tal-biki dwar każ soċjali li suppost m’għandux jiġi trattat b’mod umiljanti f’ekonomija li suppost sejra tajjeb. 

Voice of the Workers iltaqa’  ma’ post fuq Facebook mingħand persuna li qed tiddispra għax flok sabet l-għajnuna u l-wens, sabet aktar tfixkil u frustrazzjoni. 

Il-każ jikkonċerna mara li tkeċċiet minn appartament li kienet tgħix fih minħabba raġunijiet personali mhux fil-kontroll tagħha. Hi ngħatat biss xahrejn ċans biex issib post alternattiv. 

Sabiex tipprova tindirizza l-qagħda li spiċċat fiha, il-mara għamlet kuntatt mad-Dipartiment  tas-Sigurta’ Soċjali kif ukoll mal-Awtorita’ tad-Djar. Dan  peress li hi ma taffordjax il-prezzijiet għoljin tal-kirjiet li qed jiġu offruti llum. 

Il-mara hi single mother b’żewġt itfal żgħar. Ingħatat parir biex  issib flatmate sakemm jinstabilha post ta’ akkomodazzjoni ieħor. U hekk għamlet tant li hi u wliedha marru jgħixu f’appartament flimkien ma’ raġel anzjan bil-pensjoni, li hu ħabib tal-familja.  

Wara li  għamlet kollox kif qalulha l-impjegati tad-Dipartiment  tas-Sigurta’ Soċjali u tal-Housing, imxiet kif suppost u wara li qalbet l-indirizz ta’ fuq il-Karta tal-Identita’, din  il-mara ħadet sorpriża u xokk fl-istess ħin. Irċeviet ittra li fiha  ntqal li m’għadhiex intitolata aktar għall-benefiċċji. Fil-pront ċemplet in-numru 153  u l-persuna li qdietha spjegatilha li r-raġuni għaliex inqatgħet mill-benefiċċji kienet għax  il-flatmate huwa raġel u mhux mara. 

Tistgħu taħsbu l-istagħġib  ta’ din  il-mara!  Ma setgħetx temmen li qed ngħixu fl-2018 u dan il-pajjiż għadu daqshekk lura bi tweġiba tal-bligħ bħal din!. Tafu x’qalulha? Li peress li lflatmate huwa raġel, dan jista’ jmantniha hu stess! Il-mara tistaqsi: b’liema dritt raġel barrani bil-pensjoni jmantni lilha u lil uliedha? Issa dan flok hi spiċċat barra t-triq mingħajr ebda saqaf  fuq rasha. 

Ivan Bartolo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali, irreaġixxa għal din l-istorja u stqarr ma’ Voice of the Workers li din “hija storja reali, li kważi kważi dawn it-tip ta’ stejjer saru komuni, fis-soċjeta’ tagħna llum.  Qatt ma ħlomna li nistgħu naslu sa hawn.   Joħroġ ċar in-nuqqas ta’ assistenza li hawn għall-akkomodazzjoni soċjali.   Il-faqar tmissu b’ idejk u din hi waħda minn sensiela ta’ stejjer, b’ mod speċjali fost dawk il-persuni li għandhom tfal żgħar.  Din hija amministrazzjoni nkapaċi li ddaħħlek f’aktar inkwiet milli tagħtik aktar soluzzjonijiet.”