Il-mard tal-kanċer qed iżid fit-tħassib madwar id-dinja u Malta mhix eċċezzjoni. Kważi rari ħafna li ma ssibx familja li ma jkollhiex rabta ma’ xi ħadd qrib tagħha li għaddej jew għadda minn din l-esperjenza. L-istatistika turi li hawn kważi 2,000 każ ġdid ta’ kanċer fis-sena u madwar 1,000 mewta annwali f’Malta. L-istess  statistika tgħidilna li dawn iċ-ċifri għad jiżdiedu. 
Madankollu, il-prevenzjoni u l-għarfien qed jgħinu biex persuni li ġarrbu l-mard irnexxielhom jegħlbu l-ostakli u baqgħu jgħixu. Bla ebda dubju, il-kontributur ewlieni ta’ dan is-suċċess huwa l-investiment kontinwu fir-riċerka tal-kanċer madwar id-dinja. Dawn il-fatturi kollha jimlewna bil-kuraġġ li mhux impossibbli li negħlbu din l-isfida. Anki f’Malta, għandna biex infaħħru lix-xjenzati u r-riċerkaturi tagħna li qed jaħdmu qatigħ u b’dedikazzjoni kbira sabiex jirriċerkaw aktar dwar il-kanċer.   
Paripassu mal-inizjattivi fir-riċerka, diversi individwi u entitajiet Maltin qed jimpenjaw ruħhom bi sħiħ fil-ġlieda kontra l-kanċer. Wieħed isemmi lil Puttinu Cares u lill-Moviment Hospice li jaħdmu bla waqfien biex iqajmu iżjed kuxjenza  u jappellaw għall-fondi, filwaqt li joffru għajnuna u appoġġ lil dawk affettwati mill-mard.  
Il-voluntieri ta’ dawn l-entitajiet u ta’ ħafna aktar huma ta’ min ifaħħarhom għax qed jiddedikaw l-enerġija u l-ħin tagħhom lejn  il-ġlieda  kontra l-kanċer. 
Matul is-snin, l-umanita’ kienet kapaċi tegħleb mard qerriedi. Il-kanċer huwa sfida oħra li  rridu nindirizzaw b’mod kollettiv. Jeħtieġ li jkun hemm aktar fondi, riżorsi u determinazzjoni biex niġġieldu l-kanċer. 
Ma tistax tkun preokkupat meta tisma’ kif il-kanċer qed jattakka partikularment lit-tfal. Allura dan huwa l-qasam  fejn hemm bżonn ta’ aktar riċerka. Bl-isforzi ta’ kulħadd,  nistgħu nagħmlu l-ġlieda kontra l-kanċer waħda b’saħħitha. Dan biex fis-snin li ġejjin ikun  hemm il-kura reali kontra l-kanċer u favur kwalita’ ta’ ħajja aħjar.