Il-futur tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni
Il-migrazzjoni internazzjonali u l-mobbilta’ ġeografika għandhom implikazzjonijiet kbar għas-soċjetajiet u l-ekonomiji. Dan hu veru fuq livell dinji, u, forsi aktar ukoll, fuq livell Ewropew. L-effett speċjali fuq l-Ewropa hu parzjalment minħabba l-istorja tagħha.
Sa żewġ ġenerazzjonijiet ilu, ħafna mill-pajjiżi Ewropej irreġistraw ħafna aktar rati ta’ emigrazzjoni milli immigrazzjoni. Fil-fatt uħud mill-istati membri u pajjiżi ġirien għadhom jagħmlu dan, li jfisser li x’aktarx ikun hemm tnaqqis fit-talent u l-ħiliet.
B’riżultat ta’ dan, m’hemm ebda pajjiż klassiku fejn jesperjenza l-immigrazzjoni fil-kontinent Ewropew, meta mqabblin mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja. Dan juri għaliex il-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni spiss hi nieqsa mill-koerenza, mis-selettivita’ u mill-enfasi fuq ir-riżultati soċjo-ekonomiċi. Sa mid-Disgħinijiet, id-dħul temporanju jew permanenti mogħti mill-istati membri tal-UE hu dominat l-aktar minn kunsiderazzjonijiet umanitarji u bbażati fuq id-drittijiet (riunjoni fil-familja, ażil, protezzjoni umanitarja) milli interessi ekonomiċi.
Fl-istess waqt, f’Unjoni Ewropea mingħajr fruntieri interni, huma biss uħud mill-istati membri tal-UE – jiddependi fuq il-ġeografija tagħhom u/jew il-ġenerożita tas-sistemi tagħhom kif jilqgħu lill-persuni u dawk tal-ażil – li saru responsabbli għall-immaniġjar ta’ massa ta’ wasliet irregolari u/jew għall-ipproċessar ta’ talbiet għall-ażil.
Żidiet riċenti f’influssi mhux ikkontrollati ta’ migranti irregolari u refużjati, flimkien ma’ nuqqasijiet fl-integrazzjoni li ntirtu mill-passat wasslu għal xettiċiżmu dejjem jikber fuq il-migrazzjoni internazzjonali, kif ukoll dwar il-migrazzjoni u t-tmexxija tal-fruntieri f’livelli nazzjonali u Ewropej. Madankollu, dan ix-xettiċiżmu dejjem jikber qed iseħħ f’mument f’waqtu meta l-migrazzjoni mistennija ssir tweġiba importanti għall-provvista li ġejja fix-xogħol, fit-talent u fil-ħiliet.
L-Ewropa issa hi l-eqdem kontinent demografikament fid-dinja, ir-reġjun għal popolazzjonijiet nattivi li qed jistaġnaw jew li qed jiċkienu u – f’ħafna pajjiżi – karatterizzata minn irtirar kmieni bħala prattika komuni.