Ħiliet għall-futur: it-tagħlim biex titgħallem permezz tat-teknoloġija Hermann Micallef 30/01/2019 Ħiliet għall-futur: it-tagħlim biex titgħallem permezz tat-teknoloġija2019-01-30T08:40:21+01:00 Ħarġa 243 Storja Prinċipali No Comment Jekk nagħtu importanza lit-tagħlim ta’ matul il-ħajja, mhux biss ikollna katalisti diġitali u imprendituri għas-suq tax-xogħol, imma wkoll ħaddiema attivi u sofistikati fl-apparat diġitali li huma mħarrġa, imħarrġa mill-ġdid u msaħħa fil-ħiliet biex jaddattaw għat-teknoloġija li tolqot lill-karrieri tagħhom. Dan jinvolvi investiment fil-ħiliet diġitali permezz tas-sistema edukattiva, taħriġ fil-ħiliet vokazzjonali, u investiment minn intrapriżi fit-taħriġ tal-ħaddiema. Bħala eżempju, studenti ġodda jistgħu jibdew b’ħiliet diġitali bażiċi bħal-litteriżmu diġitali bażiku, jibgħatu l-emails u jużaw il-media soċjali. Imbagħad jistgħu javvanzaw biex jitgħallmu suġġetti aktar speċjalizzati. Minn hemm, aktar studenti avvanzati jistgħu jagħżlu biex jiksbu l-ħiliet diġitali speċjalizzati Industry 4.0 għall-ħolqien, l-immaniġġjar u ż-żamma ta’ teknoloġiji avvanzati fis-settur tal-manifattura. Sabiex din l-istrateġija fit-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali tiżvolġi, u jsir xogħol lejn l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika diġitali tat-tagħlim, jeħtieġ li jkollna aktar għalliema u l-infrastruttura adekwata. It-teknoloġija diġitali qed tintuża madwar id-dinja biex tipprovdi aċċess għal taħriġ b’inqas spejjeż permezz ta’ filmati fuq l-internet, korsijiet online, applications fuq il-mobile u logħob bażati fuq l-isfidi. Għalliema u skejjel qed jużaw it-teknoloġiji diġitali biex jittraċċaw ir-riżultati tat-tagħlim ta’ programmi edukattivi bl-użu ta’ eżerċizzji ta’ evalwazzjoni li jaqbdu l-progress individwali ta’ l-istudenti permezz ta’ tablets u smartphones. Teknoloġiji diġitali bħal filmati edukattivi rekordjati minn qabel, għodda bbażati fuq is-satellita, programmi televiżivi u fuq ir-radju huma wkoll għodda b’saħħithom biex jilħqu lill-istudenti minn komunitatjiet vulnerabbli u żvantaġġjati. Min iħaddem u l-unions għandhom rwol prinċipali fit-tagħlim ta’ matul il-ħajja, inkluż l-antiċipazzjoni tar-rekwiżiti futuri tat-tagħlim u l-parteċipazzjoni fit-twassil tagħhom. Allura, tista’ tintuża l-innovazzjoni biex jitmexxa t-tagħlim ta’ matul il-ħajja? Iva. Kemm jekk inti żagħżugħ qed tfittex impjieg, jew ħaddiem inkwetat li se titlef ix-xogħol minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija, jew xi ħadd li sempliċiment tistagħġeb bit-teknoloġiji differenti, il-kisba ta’ ħiliet ġodda li jilħqu t-talbiet dejjem jinbidlu tas-suq jistgħu jtejbu l-impjegabbilta’ tiegħek, u dan jista’ jinkiseb permezz ta’ teknoloġiji moderni.