Image result for malta corruption"

 

Jien u ħafna Maltin bħali qed inħossuna disillużi u frustrati li qed ngħixu f’din il-gżira. Malta dejjem nafha tiġi deskritta bħala dik il-gżira f’nofs il-Mediterran fejn wieħed jista’ jgawdi x-xemx, il-baħaru iktar minn hekk , il-paċi. Illum, l-istorja hija ħaġa oħra  għax Malta aktar qed tikseb popolarità bħala tax haven. 

Ħa nispjega ruħi. L-ewwel u qabel kollox Malta mhix tax haven jekk inti Malti jew Maltija. Hemm ċertu skemi biex jattiraw lill-barranin jinvestu f’pajjiżna. Dawn l-iskemi ntużaw ħafna u ġew ukoll abbużati, u hawn fejn ir-reputazzjoni ta’ Malta ħadet daqqa ‘l isfel. Il-pajjiż laqa’ diversi kumpaniji tal-gaming, kumpaniji li ġew Malta minħabba l-inċentivi fiskali u regolatorji. Tali kumpaniji sejrin tajjeb ħafna u anki jħallsu tajjeb. Minħabba dawn il-kumpaniji, il-prezzijiet tal-proprjetà għolew sa livelli astronomiċi. L-industrija tas-servizzi finanzjarji kibret biex tappoġġja u takkomoda dawn il-kumpaniji. 

Minbarra d-dubji morali tal-operat tagħhom, jiena nara ħafna dipendenza fuq dawn il-kumpaniji tal-gaming. Jekk pajjiż ieħor joffri inċentivi fiskali aħjar, x’aktarx li ħafna minn dawn il-kumpaniji jitilqu għax m’għandhom ebda  rabta  ma’  Malta. Sempliċiment qed jużaw lil Malta. Il-bużżieqa qed tintefaħ dejjem iżjed u xi darba se tinfaqa’. Imbagħad nibku, tafux! Fl-eventwalità li dawn il-kumpaniji jitilqu, nistgħu naraw riperkussjonijiet serji fuq il-qgħad ta’ ħafna  ħaddiema, fuq il-prezzijiet tal-proprjetà u l-industrija nnifisha tas-servizzi finanzjarji. Din hi sitwazzjoni li tħasseb lil ħafna nies.  

Jekk illum kelli niddeskrivi lil Malta f’kelma waħda, din tkun “frustranti”. Kien xi żmien fejn konna nogħxew bis-sbuħija naturali ta’ pajjiżna u bis-serenità li konna  ngħixu fiha. Issa kull darba li nirfsu mill-għatba ‘l barra, nesperjenzaw l-injoranza jew l-arroganza, fl-għamla ta’ bini illegali, sewqan irresponsabbli jew imġieba mhux professjonali. M’hawn ebda kultura li nagħmlu l-affarijiet bil-galbu u b’mod tajjeb. Kollox ‘ejja ħa mmorru’! 

Barra minn hekk, waqt li qed tgħix f’Malta ma tistax tevita dak li jintqal fl-aħbarijiet. Ma tistax taħrab il-frejjeġ politiċi u l-iskandli li joktru wieħed wara l-ieħor. Ma nafx jekk taħsbuhiex bħali, imma kważi xbajt  ngħix f’dan  il-pajjiż. Meta nara t-taħwid f’kull sens li qed iseħħ madwari, ikolli aptit nippakkja u nitlaq ngħix x’imkien  ieħor.   

Ħudu t-toroq tagħna. X’ma tiffrustrax ruħek! Bit-twessigħ tat-toroq mhux se nsolvu l-problema tal-konġestjoni. Karozzi ġodda qed  joħorġu fit-toroq qishom pastizzi u l-influs ta’ ħaddiema  barranin kull sena qed ikompli jitfa’ il-melħ fuq  il-ferita. Il-verità hi li t-traffiku qed jiżdied sena wara l-oħra sal-punt li llum trid tirrassenja  ruħek li teħel  fit-traffiku kull darba li toħroġ biex issuq. U biex tgħaxxaqha r-rata tat-tniġġis mid-dħaħen  qed tiżdied u qed jaffettwa s-saħħa ta’ kulħadd. 

U xi ngħidu dwar l-iżvilupp bla kontroll li qed iseħħ madwarna? Inbnew ħafna binjiet koroh u l-parti kbira tagħhom inbniet f’zoni li suppost kellhom jitħallew fl-istat naturali tagħhom. Bl-iżvilupp li sar, Malta ġiet sfruttata iżżejjed u ftit baqagħlna zoni bi ħdura naturali. Kien żmien, meta konna żgħar, li konna mmorru nilgħabu l-futboll jew niġru bir-rota f’xi għalqa qrib tad-dar tagħna. Illum nini, nini. M’hemmx ċans  li uliedna jagħmlu dan.  

Il-ħsibijiet li għandi dwar Malta, fl-aħħar mill-aħħar, huma ta’ dieqa ġenwina għal din il-ġawhra li nqerdet matul is-snin. Tattakkawnix għax kont pessimist fil-kitba tiegħi, imma sinċerament ma nistax nara soluzzjoni għall-ħsara li diġà saret lil dan il-pajjiż. Fejn qabel konna sejrin ‘il quddiem, issa  minkejja li għandu ekonomija li sejra tajjeb, il-pajjiż ħa t-triq tan-niżla.  F’Malta llum mhux biss qed nesperjenzaw kollużjoni politika u sfreġju assolut fl-ambjent, imma pajjiżna sfortunatament inħakem minn nies li stagħnew f’daqqa u ngħataw ħafna poter filwaqt li tilef il-boxxla morali.