Bħala parti mill-proġett tagħha Engage, finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, il-MEUSAC organizzat serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ b’xejn għal NGOs u trade unions biex itejbu l-ħiliet komunikattivi tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fid-djalogu soċjali u ċivili u biex jaċċessaw opportunitajiet ta’ fondi Ewropej bl-iskop li  jpoġġu  fil-prattika l-prijoritajiet tal-UE. 

Is-sessjonijiet, tlieta b’kollox, saru f’Malta u f’Għawdex. 

Dawk preżenti ngħataw għajnuniet dwar kif jaħdmu fuq idea ta’ proġett, mill-istadji bikrija tal-proġett sal-implimentazzjoni tiegħu. Il-partijiet  interessati wkoll ingħataw ideat dwar kif l-aħjar jippromwovu l-organizzazzjoni tagħhom, billi jenfasizzaw l-użu tal-media u dwar l-importanza li wieħed ikollu strateġija f’postha minn qabel. 

Il-MEUSAC jassisti numru ta’ organizzazzjonijiet bla ħlas sabiex jippenetraw u japplikaw għal fondi Ewropej. Fil-fatt, il-MEUSAC għenet diversi organizzazzjonijiet biex kisbu €55 miljun f’fondi Ewropej matul dawn l-aħħar 11-il sena. 

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi tal-MEUSAC żuru s-sit www.meusac.gov.mt jew ċemplu fuq 2200 3300.