Brand Malta tnawret!
Is-sitwazzjoni f’Malta għadha inkwetanti ħafna. Inkwetanti għad-dehra ta’ pajjiżna u inkwetanti għall-investiment dirett barrani.
Il-pajjiż tħabat u stinka biex qiegħed lilu nnifsu fl-isfera internazzjonali. Id-dehra ta’ pajjiżna, jew kif kienet tlaqqmet bħala Brand Malta, hija importanti ħafna biex inġibu x-xogħol internazzjonali. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, din il-brand Malta qed tbiddel il-vantaġġi miksuba f’piżijiet u problemi. Dan minħabba l-fatt li kawża tal-fama kerha li qed nieħdu, kulħadd qed jarana bħala nazzjon korrott; l-għajnejn hemm barra qed jarawna bħala pajjiż fejn iseħħu reati kriminali u mhux post fejn isir in-negozju.
Il-fiduċja li konna ngawdu minnha qed iddub ftit ftit u f’din il-qagħda prekarja diġà beda jkun hemm impatt fuq in-negozju kif ukoll fuq l-investiment li jiġi fil-pajjiż. Id-dehra ta’ Malta bħalissa hija ħażina ħafna u m’għadniex niġu kunsidrati bħala ċentru attraenti minn fejn isir in-negozju u lanqas m’għadna nies affidabbli politikament.
Internazzjonalment, hemm il-periklu li niġu emarġinati u ma nibqgħux niġu kunsidrati bħala pajjiż ta’ min jorbot fuqu. Il-fatt li aħna membri tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu implikazzjonijiet. Bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha responsabbiltajiet li trid timxi magħhom. Jekk se nsiru problematiċi, se jgħarralna. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa huwa diffiċli li wieħed ibassar jekk jiġux ordnati sanzjonijiet fuqna mill-Unjoni Ewropea. Huwa żgur, iżda, li l-Unjoni Ewropea se tipprova tipperswadina biex naġixxu korrettament. Nittamaw li l-Unjoni Ewropea ma tiħux miżuri iktar drastiċi għax inkella jintlaqat kulħadd.
Sabiex il-pajjiż jiġi lura għan-normalità tiegħu, għandna nisserjaw. F’pajjiżi oħrajn, fejn ikun hemm problemi nazzjonali ta’ dawn it-tip, min ikun f’pożizzjoni politikament responsabbli jwarrab. Din hija prassi li tiġi applikata f’diversi pajjiżi barranin, partikularment dawk Nordiċi. Riċentament rajna u smajna bil-Prim Ministru tal-Fillandja jirriżenja talli gideb dwar riformi fis-servizzi postali. Il-Prim Ministru ta’ pajjiżna għandu jimxi fuq l-eżempju tal-eks kollega Ewropew tiegħu, li rriżenja fuq kwistjoni inqas serja minn dik f’Malta.
Għaldaqstant, Prim Ministru, għall-ġid tal-ħaddiema, il-familji tagħhom u f’ġieħ isem Malta fid-dinja, flok iddur fil-pjazez għaċ-ċapċip kun matur u rriżenja llum.