Il-Malti jgħid “kull deni ħudu b’ġid”. Il-pandemija tal-COVID-19 saħansitra tejbet il-mod kif isir in-networking f’Malta. Minkejja xi ftit ostakli tekniċi, ix-xogħol mid-dar żdied f’pajjiżna sal-punt li kienet xi ħaġa impossibbli ftit tax-xhur ilu.

Għad baqa’ ħafna ħaddiema Maltin li għadhom qed jaħdmu mid-dar, jiltaqgħu permezz ta’ video conferences u jużaw pjattaformi diġitali għax-xogħol tagħhom.

Dak li kien inkonċepibbli xi ġimgħat ilu sar in-normalità il-ġdida. Imma din mhix l-istampa sħiħa għax għad baqa’ numru ta’ kumpaniji li jiddependu minn proċessi konvenzjonali. Madankollu, aktar u aktar postijiet tax-xogħol u l-impjegati tagħhom qed jitgħallmu japprezzaw il-benefiċċji li jaħdmu mid-dar.

Setturi li ma kinux partikularment magħrufa għal livelli għoljin ta’ diġitalizzazzjoni, kellhom opportunità fil-jiem li għaddew biex jaġġornaw ruħhom u jiksbu riżultati tajbin bl-għajnuna ta’ aktar teknoloġija diġitali.

Ta’ min jgħid li t-teknoloġija diġitali għandha potenzjal kbir, speċjalment fi żminijiet diffiċli bħal dan li qed ngħixu bħalissa. Qed nitkellmu dwar teknoloġiji li bħalissa qed iżommu lis-soċjetà fuq saqajha waqt din il-kriżi, fejn qed tħalliha tixtri fuq l-internet, tuża s-servizzi tal-gvern elettroniku kif ukoll biex isiru lezzjonijiet edukattivi d-dar.

Imma d-diġitalizzazzjoni mhux qed tagħmel progress ma’ kulħadd, b’kumpaniji kbar jaqdfu ‘l quddiem filwaqt li xi intrapriżi żgħar u medji qed jibqgħu lura. Ħafna kumpaniji u proporzjon konsiderevoli ta’ xogħol fl-amministrazzjoni huma bbażati fuq l-użu tal-karta, tant li għadhom jużaw is-servizzi tal-posta. Madankollu, il-COVID-19 ġabet il-bidla għal ħafna minnhom.

Iżda l-użu biss ta’ għodda diġitali biex jitjieb ix-xogħol mhux biżżejjed. Il-proċessi tax-xogħol iridu jissaħħu ma’ kulħadd sabiex jintuża l-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni.

Nittamaw li avvanzi fid-diġitalizzazzjoni, li saru kawża tal-Coronavirus, ma jmorrux fuq l-ixkaffa malli l-pandemija tiġi kkontrollata. L-iżviluppi teknoloġiċi li saru għandhom jinżammu u dan biex pajjiżna jibqa’ sejjer ‘il quddiem fil-qasam diġitali.