Il-pandemija tal-COVID-19 bidlet b’mod sinifikanti il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ħarġet fil-beraħ il-limitazzjonijiet fil-mod kif konna norganizzaw lilna nfusna qabel l-imxija tal-pandemija u filwaqt li ħarbtet kull m’hemm, ipprovdietna bl-opportunità biex nikkunsidraw mill-ġdid modi li kienu jsiru qabel u qed inħarsu lejn futur iżjed reżiljenti u sostenibbli.

Issa huwa l-waqt biex naġixxu u filwaqt li s-settur tas-saħħa tagħna u l-ekonomija ġenerali l-aktar li ġew affettwati, is-sistemi tagħna tal-ikel mhumiex eżenti. Is-sistemi tal-ikel tal-Ewropa għandhom ikunu riveduti.

L-istrateġija ta’ mir-razzett għal fuq il-mejda, imnedija f’Mejju ta’ din is-sena, tikkunsidra l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-konsum mhux kontrollat tar-riżorsi naturali tagħna, in-nuqqas sinifikanti tal-bijodiversità (il-varjetà tal-pjanti u l-ħajja tal-annimali fid-dinja jew ta’ għajxien partikulari), u l-effetti negattivi kbar fis-saħħa fuq il-ħajja taċ-ċittadini, kemm għal dawk li mhux qed jieklu biżżejjed kif ukoll għal dawk li huma nieqsa mill-ikel. Barra minn hekk, prattiċi li kienu jintużaw qabel ma jippermettux għal introjtu ġust (monetarju) għall-atturi kollha involuti, partikularment il-produtturi primarji.

L-objettiv tal-istrateġija hu biex is-sistemi tal-ikel ikunu ġusti, tajbin għas-saħħa u għall-ambjent. Qed ikun ittamat li din l-istrateġija toħloq opportunitajiet ġodda għal settur li ġie traskurat għal ħafna żmien (fuq livell Ewropew). L-istrateġija, madankollu, tassigura li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għall-ikel li jkun sikur, sustanzjuż u li jkun maħdum b’tali mod li jippriserva l-affordabbiltà filwaqt li jżomm kompetittiv is-settur tal-provvista tal-UE.