F’resoluzzjoni adottata l-Ġimgħa 17 ta’ April 2020, il-Parlament jilqa’ l-miżuri fiskali u l-appoġġ ta’ likwidità tal-UE biex tiġi indirizzata l-pandemija. Lil hinn minn dak li diġà qed isir, l-Ewropa teħtieġ pakkett enormi ta’ rkupru u ta’ rikostruzzjoni li għandu jiġi ffinanzjat minn żieda fil-baġit fit-tul, fondi eżistenti tal-UE u strumenti finanzjarji, kif ukoll “bonds ta’ rkupru” garantiti mill-baġit tal-UE, jgħidu l-MPE. Madankollu, m’għandhux ikun hemm il-mutwalizzazzjoni ta’ dejn eżistenti, iżda fokus fuq l-investiment futur. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali għandhom ikunu fil-qalba tiegħu sabiex tingħata spinta lill-ekonomija, il-MPE jenfasizzaw. Il-Fond ta’ Solidarjetà kontra l-Coronavirus tal-UE Il-MPE jappellaw ukoll għal Skema permanenti Ewropea ta’ Riassigurazzjoni kontra l-qgħad u jixtiequ jistabbilixxu Fond ta’ Solidarjetà kontra l-Coronavirus tal-UE ta’ mill-inqas EUR 50 biljun. Dan il-fond għandu jappoġġa s-setturi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri kollha matul il-kriżi attwali, kif ukoll investimenti futuri sabiex is-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti u ffukati fuq dawk l-aktar fil-bżonn. Setgħat akbar għall-UE biex taġixxi fil-każ ta’ theddid transkonfinali għas-saħħa L-azzjoni Ewropea konġunta għall-ġlieda kontra l-pandemija COVID-19 hija indispensabbli, tgħid ir-riżoluzzjoni. Mhux biss l-Unjoni Ewropea għandha toħroġ aktar b’saħħitha minn din il-kriżi, iżda l-istituzzjonijiet tagħha għandhom ukoll jingħataw is-setgħa li jaġixxu meta jkun hemm theddid transkonfinali għas-saħħa. Dan jippermettilhom jikkoordinaw ir-rispons fil-livell Ewropew mingħajr dewmien, u jidderieġu r-riżorsi meħtieġa għal fejn huma l-aktar meħtieġa, sew jekk huma materjali bħal maskri tal-wiċċ, respiraturi u mediċini jew għajnuna finanzjarja. Il-MPE jesprimu wkoll l-appoġġ tagħhom għaż-żieda fil-produzzjoni ta’ prodotti ewlenin fl-UE, bħal mediċini, ingredjenti farmaċewtiċi, tagħmir mediku, tagħmir u materjali, biex l-Ewropa tkun mħejjija aħjar għal xokkijiet globali futuri. Il-fruntieri għandhom jinżammu miftuħin għal prodotti essenzjali Il-MPE jinsistu li l-fruntieri fl-UE jridu jinżammu miftuħa biex jiġi żgurat li l-mediċini u t-tagħmir protettiv, l-apparat mediku, l-ikel u l-prodotti essenzjali jkunu jistgħu jiċċirkolaw. Is-suq uniku tal-UE huwa s-sors tal-“prosperità kollettiva tagħna” u huwa kruċjali għar-rispons immedjat u kontinwu għall-COVID-19, il-MPE jenfasizzaw. Il-Parlament jitlob ukoll il-ħolqien ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Rispons Sanitarju biex jiġi żgurat rispons aħjar għal kull tip ta’ kriżi sanitarja fil-ġejjieni. Tagħmir, stokk ta’ materjal u ta’ mediċina

komuni jista’ jiġi mobilizzat malajr biex jiġu salvati l-ħajjiet. Il-MPE jridu wkoll jaraw finanzjament addizzjonali tal-UE biex tiġi ffinanzjata r-riċerka rapida biex tinstab tilqima. Approċċ koordinat għal wara l-konfinament Il-MPE jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat wara l-konfinament, sabiex jiġi evitat li l-vajrus jerġa’ jitfaċċa. Huma jħeġġu lill-pajjiżi tal-UE biex, flimkien, jiżviluppaw kriterji għat-tneħħija tal-kwarantina u miżuri ta’ emerġenza oħra, u jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi strateġija ta’ ħruġ effettiv li tinkludi ttestjar fuq skala kbira u tagħmir personali protettiv għall-akbar numru possibbli taċ-ċittadini. Sors ta’ informazzjoni Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Fl-aħħar nett, ir-riżoluzzjoni tenfasizza li d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 hija problema kbira għas-saħħa pubblika. Għalhekk l-UE għandha tistabbilixxi sors Ewropew ta’ informazzjoni biex tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża u verifikata. Il-MPE jappellaw ukoll li l-kumpaniji tal-midja soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa b’mod proattiv biex iwaqqfu d-diżinformazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda relatat mal-Coronavirus.