Regolamenti stretti, dixxiplina militari u ħbiberija ta’ veru. Jekk ħafna miż-żgħażagħ imqarrbin u sfrattati fl-Ewropa jistgħu jinbidlu permezz tal-lieva, għaliex iż-żgħażagħ tagħna ma għandhomx ikunu l-istess? 
Smajna jew qrajna fl-aħbarijiet dwar każ ta’ aggressjoni bejn żewġ studenti fi skola sekondarja f’Pembroke fejn saħansitra weġġgħu żewġ edukaturi. Nisimgħu wkoll b’każi fejn xi żgħażagħ jinsulentaw, jheddu jew tabilħaqq jattakkaw lill-għalliema tagħhom.  Każ partikulari seħħ fl-Iskola Sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq fejn studenta attakkat lill-Kap tal-Iskola. Bla tlaqliq ngħid li fost il-ġenerazzjoni li tiela’ insibu żgħażagħ arditi, ma juru rispett lejn ħadd u xejn, vandali, arroganti, aggressivi u bla dixxiplina. 
Il-lieva tista’ tiġi deskritta bħala xi ħaġa awtoritarja imma jien naħseb li hawn bżonnha. Ħudu lill-Isvezja u lil Franza. Dawn iż-żewġ pajjiżi Ewropej reġgħu daħħlu l-lieva wara li kienet inqatgħet għal perijodu ta’ żmien. Naħseb li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet Maltin jikkunsidraw l-introduzzjoni tal-lieva forsi nnaqqsu l-ksuħat fl-iskejjel, fit-toroq u fil-komunita’. 
Għalkemm is-servizz militari fost l-adoloxxenti  u ż-żgħażagħ jista’ jkun iebes u diffiċli, naħseb li ħadd ma  jiddubita dwar il-vantaġġi tiegħu. Naħseb  li l-lieva tagħti xi skop fil-ħajja liż-żgħażagħ u trawwem sens ta’ responsabbilta’ fihom. Is-servizz militari jsawwar ukoll il-karattru tal-persuna. 
Il-lieva tista’ tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u ddakkar fihom kwalitajiet sbieħ bħad-dixxiplina, il-prudenza u l-modesta’. Is-servizz militari jista’  jgħallem liż-żgħażagħ diversi snajja’ kif ukoll ħiliet importanti bħal ħidma f’tim u t-tqassim tal-ħin. 
Fid-dawl tar-rata dejjem tiżdied tal-obesita’ fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ f’pajjiżna, is-servizz militari jista’ jgħinhom inaqqsu l-piż filwaqt li jkunu b’saħħithom grazzi għal programmi ta’ taħriġ fiżiku li jkunu spissi. 
Min-naħa l-oħra, biex ngħidu  kollox, il-lieva tkopri ftit żvantaġġi fosthom il-ksur tar-rieda ħielsa, l-indħil ma’ forom oħrajn ta’ edukazzjoni u li mhux kulħadd huwa maqtugħ għas-servizz militari. 
Madankollu jien għal kollox favur is-servizz militari. Għaddejt minnu meta qattajt tliet snin mill-isbaħ bħala Riservista mal-Forzi Armati ta’ Malta. Titgħallem tirrispetta lilek innifsek, lis-superjuri tiegħek u lil ta’ madwarek. Naħseb li l-introduzzjoni tal-lieva f’Malta tista’ tipprovdi ispirazzjoni u gwida lil ħafna addoloxxenti u żgħażagħ Maltin li huma neqsin minnhom.