L-ammont ta’ ħwejjeġ mibjugħ fl-UE kull persuna żdied b’40 fil-mija f’temp ta’ ftit għexieren ta’ snin. Dan minħabba tnaqqis fil-prezzijiet u l-għaġġla ta’ kif il-moda qed tasal għand il-konsumaturi. Il-ħwejjeġ jammontaw għal bejn it-tnejn fil-mija u l-10 fil-mija tal-impatt ambjentali tal-konsum Ewropew.

Dan l-impatt xi kultant jinħass f’terzi pajjiżi, hekk kif ħafna mill-produzzjoni issir barra. Il-produzzjoni ta’ materjali prima, li jissawwru f’fibri, drappijiet tal-insiġ u l-kulur jeħtieġu ammonti kbar ta’ ilma u kimiċi, inkluż pestiċidi għat-tkabbir tal-materjali prima bħalma hu l-qoton.

L-użu mill-konsumatur ukoll għandu impatt ambjentali kbir minħabba l-ilma, l-enerġija u l-kimiċi wżati fil-ħasil, fl-inxif u fil-mogħdija, kif ukoll il-microplastics li jintefgħu fl-ambjent. Inqas minn nofs tal-ħwejjeġ użati jinġabru għal użu mill-ġdid jew riċiklar meta ma jiġux bżonnhom, u wieħed fil-mija biss huma riċiklati fi ħwejjeġ ġodda, mindu t-teknoloġiji li jagħmlu r-riċiklar possibbli f’fibri ġodda għadhom qed jibdew.

Diversi modi biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet ġew proposti, inkluż l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda għal kiri ta’ ħwejjeġ, li jkunu disinjati prodotti b’tali mod li l-użu mill-ġdid u r-riċiklar ikunu eħfef, li l-konsumaturi jkunu mħajjra jixtru inqas ħwejjeġ ta’ kwalita’ aħjar, u biex l-imġieba tal-konsumatur titressaq lejn l-għażla ta’ għażliet aktar sostenibbli.

Fl-2018, l-UE addottat pakkett ekonomiku ċirkolari li, fuq insistenza tal-Parlament Ewropew, għall-ewwel darba jassigura li t-tessuti jinġabru separatament fl-istati membri kollha sal-2025. Il-Parlament Ewropew ilu s-snin jinsisti dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ materjali prima ekoloġiċi u sostenibbli u l-użu mill-ġdid u r-riċiklar tal-ħwejjeġ.