Il-qagħda ġenerali f’ċertu skejjel, speċjalment f’dawk tal-istat, hi inkwetanti ħafna u l-awtoritajiet iridu jaraw x’se jagħmlu u jxammru l-kmiem sabiex jindirizzawha qabel ma tiżviluppa fi kriżi. 

Edukattriċi li tkellmet ma’ Voice of the Workers fissret li l-problemi li qed inawwru s-sistema edukattiva huma ħafna. Hi qalet li f’diversi skejjel, fost oħrajn, hemm nuqqas ta’ għalliema u s-sigurta’ hija laxka. “Is-sigurta’ tant hija nieqsa f’numru ta’ skejjel li persuna faċilment tista’ tidħol l-iskola u tmur fil-klassi tal-għalliema ta’ uliedha mingħajr ħadd ma jinduna….la l-assistant head ma jinduna u lanqas il-kap tal-iskola”, qalet is-sors li tkellmet magħna. 

F’uħud minn dawn l-iskejjel jeżistu wkoll nuqqasijiet mill-management fejn il-policies fl-iskejjel mhumiex qed ikunu infurzati. “Hemm policies li huma tajbin imma l-problema hi t-tħaddim u l-infurzar tagħhom”, qalet l-edukattriċi. 

Voice of the Workers staqsa dwar id-dixxiplina fl-iskejjel fid-dawl ta’ inċidenti riċenti li seħħew f’żewġ skejjel differenti. Kellna l-każ fl-iskola sekondarja ta’ Pembroke fejn inqalgħet ġlieda b’riżultat li żewġ għalliema weġġgħu fil-frakas. Żewġ persuni li kienu involuti fil-ġlieda spiċċaw biex ittellgħu l-Qorti. Jumejn wara seħħ il-każ ta’ studenta ta’ 15-il sena li attakkat il-Kap tal-Iskola fl-Iskola Sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq. 

Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ każijiet, is-sors li tkellmet magħna saħqet li hawn  numru ta’ studenti adoloxxenti li ma jirrispettawx lill-għalliema tagħhom. “Jista’ jkun li n-nuqqas ta’ rispett ġej mid-dar…issib ġenituri li wara li  jkunu msejħin għal laqgħa  mal-Kap tal-Iskola jispiċċaw biex jargumentaw għaliex it-tifel jew it-tifla tagħhom ġew imċanfra”. Hi qalet li ċertu tfal m’għadhomx jobdu lill-awtoritajiet fl-iskejjel daqs qabel, anzi “ssib studenti li jisfidawk jekk jintbagħtu għand il-Kap tal-Iskola wara li jkunu tkeċċew mill-klassi”. 

L-istudenti jridu jifhmu li huma jmorru l-iskola biex jitgħallmu u li hemm sett ta’ regoli  li jridu jiġu obduti. Uħud mit-tfal jafu li hemm r-regoli imma jafu wkoll li mhux se jbatu l-konsegwenzi jekk ma jobdux. Is-sors li tkellmet magħna qalet li sfortunatament in-nuqqas ta’ dixxiplina fost l-istudenti ġej ukoll minn xi għalliema li mhumiex kapaċi jżommu l-ordni u d-dixxiplina fil-klassi.  

Sabiex is-sitwazzjoni fl-iskejjel titjieb, jeħtieġ li, fost oħrajn, isir investiment fl-għalliema u tisħiħ fl-amministrazzjoni tal-iskejjel. L-edukattriċi li tkellmet magħna kkritikat il-fatt li ma jistax ikun li fi skola b’popolazzjoni ta’ 500 student ikun hemm biss erba’ assistenti kapijiet.  

Hi qalet ukoll li l-klassijiet qed jikbru tant li f’nofs is-sena għadhom jidħlu studenti ġodda li ħafna  minnhom ikunu barranin. Hi qed tissuġġerixxi li studenti barranin  li jidħlu f’nofs is-sena skolastika jkunu edukati f’post partikulari u mhux fi klassi ta’ studenti li jkunu bdew is-sena flimkien. Dan għax l-istudenti ġodda jmorru fi skola ġdida b’sistema edukattiva kompletament differenti minn dik li forsi kienu mdorrijin biha. Iħossuhom ukoll frustrati, ma jkollhomx ħbieb, jesperjenzaw lingwi ġodda u jibdew jgħixu f’kultura differenti minn tagħhom.  

Is-sors li tkellmet magħna kompliet li l-problema hi l-istruttura ta’ kif isir it-tqassim tal-istudenti. “X’se jagħmel student barrani fi skola ġdida issa li bdew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena? ….lanqas ikun jaf  fejn qiegħed….u ħafna minn dawn l-istudenti la jkunu jafu  bil-Malti u lanqas bl-Ingliż”. Għaldaqstant qed ikun issuġġeriet li dawn l-istudenti barranin li jidħlu f’nofs sena skolastika għandhom jitgħallmu f’ċentri partikulari fejn jingħataw tagħlim bażiku fl-ilsien Malti u fl-Ingliż. M’għandhomx jiddaħħlu mill-ewwel fil-mainstream għax probabbilment ma jirnexxielhomx ikampaw. 

Kollox ma’ kollox, saħqet l-edukattriċi, “għandu jsir investiment bis-serjeta’ mhux biss b’risq l-għalliema, l-LSAs, u l-LSEs kollha imma jsir ukoll tisħiħ fl-amministrazzjonijiet tal-iskejjel. Dan biex ma jkunx hemm mismanagement u l-għalliema preżenti jibqgħu jħaddmu l-professjoni tagħhom mingħajr biża’, tfixkil  u theddid. Jekk ma jsirx hekk, nispiċċaw biex naraw aktar  għalliema jħallu l-professjoni tagħhom għal xogħol b’inqas stress u li jħallas aktar.