Mijiet ta’ miljun ta’ persuni qed ibatu d-diskriminazzjoni fil-post  tax-xogħol madwar id-dinja. Dan imur kontra dritt bażiku tal-bniedem u għandu konsegwenzi soċjali u ekonomiċi iżjed wiesgħa. 

Id-diskriminazzjoni hi preżenti f’kull pajjiż u industrija fid-dinja. Il-preġudizzju joħnoq l-opportunitajiet għall-individwi, jaħli t-talent uman u jdgħajjef il-progress ekonomiku. Id-diskriminazzjoni wkoll tqajjem it-tensjonijiet soċjali u twessa’ l-inugwaljanzi. 

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni hi wkoll ir-responsabbilta’ tal-unions. Il-UĦM Voice of the Workers taħdem qatigħ biex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema u tagħmel minn kollox biex trażżan il-preġudizzji u l-inugwaljanzi.   

Intant id-diskriminazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq diversi livelli, bħar-razza, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbilta’, l-eta’ u l-affiljazzjoni politika. Minoranza etniċi, gruppi reliġjużi, in-nisa u l-immigranti huma spiss il-miri tad-diskriminazzjoni. Il-preġudizzju hu wkoll assoċjat  mal-vjolenza u l-fastidju kontra  n-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol. 

Il-fastidju sesswali hu fenomenu pjuttost mifrux. Isaħħaħ l-isterjotipi dwar l-abbiltajiet u  l-aspirazzjonijiet tan-nisa filwaqt li jista’ jbiegħdhom mix-xogħol, jeqirdilhom il-karriera  u  għandhom effetti dejjiema fuq kull aspett ta’ ħajjithom. 

Id-diskriminazzjoni, kemm sottili jew sfaċċata, tista’ wkoll tolqot is-saħħa mentali tal-bniedem. Snin ta’ riċerka wrew li meta nkunu trattati inġustament fil-post tax-xogħol jew inkella naħdmu f’ambjent ostili fuq medda twila ta’ żmien, nirriskjaw li niżviluppaw diżordnijiet relatati mal-istress, inbatu minn  mumenti ta’ ansjeta’ kif ukoll mid-depressjoni. Meta s-saħħa mentali ta’ persuna tkun affettwata, tista’ tipproduċi l-effetti fuq l-għeżież tagħha, ta’ uliedha  u tal-kollegi tagħha. 

Barra minn hekk id-diskriminazzjoni tista’ tbiegħed lil dak li jkun milli jwettaq il-ħolm tiegħu u milli jtejjeb  il-karriera. Il-preġudizzju tillimita il-potenzjal tal-ħaddiem. Statistika provduta mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) tiżvela li d-diskriminazzjoni qed tiswa’ lill-ekonomiji dinjija mal-400 biljun Dollaru f’telf f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross. 

Voice of the Workers  tisħaq li d-diskriminazzjoni mhix biss moralment ħażina imma wkoll tikser id-drittijiet tal-bniedem u għandha konsegwenzi ekonomiċi negattivi. L-inugwaljanza ċċaħħad lill-pajjiżi mill-ġid, kemm f’termini monetarji kif ukoll f’termini ta’ talent. Ilkoll naqblu li ngħixu iżjed aħjar jekk kull membru tas-soċjeta’ jgawdi mill-istess opportunitajiet.