Ħtieġa ta’ aktar pjanar fis-suq tax-xogħol
Il-UĦM Voice of the Workers trid tara li matul din is-sena jkun hemm pjanar aktar serju fis-suq Malti tax-xogħol.
Hu importanti li s-suq tax-xogħol ikollu pjan xieraq għalih, jiġifieri jeħtieġ li jkun hemm tisħiħ fl-istatistika tax-xogħol u l-informazzjoni tkun provduta f’waqtha sabiex din tissarraf f’policies għall-istess suq tax-xogħol.
Din il-union trid tkun taf x’inhu l-impatt tal-ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol, kemm għal perijodu qasir kif ukoll fit-tul. Hemm bżonn nevalwaw x’tip ta’ ekonomija rridu għal dan il-pajjiż. U jekk l-ekonomija sejra tajjeb allura din il-union tistaqsi, għaliex din l-ekonomija mhux qed tissarraf, anki fejn jidħlu l-pensjonijiet?
Il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li l-ekonomija tal-pajjiż hi magħmula minn setturi differenti. Hemm setturi li jkunu sejrin aħjar minn oħrajn. Din il-union tkun imħassba meta tara żbilanċ qawwi, jiġifieri jkun hemm settur partikulari li jkun sejjer tajjeb ħafna u s-suċċess tiegħu, iżda, ikun qed jgħatti n-nuqqasijiet fis-setturi l-oħrajn. Għalhekk l-ekonomija ma tkunx qed tinħass minn kulħadd.
Il-UĦM Voice of the Workers tinnota li l-ħaddiema fil-faxex t’isfel għadhom batuti ħafna. Inkunu qed nidħqu bin-nies, jekk naħsbu li dawn il-ħaddiema jistgħu jqumu fuq saqajhom billi jingħataw żieda fl-għoli tal-ħajja. Jeħtieġ li dawn il-ħaddiema jingħataw it-taħriġ neċessarju waqt li jkunu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fil-post tax-xogħol. Dan biex il-ħiliet tal-ħaddiema joktru u min hu bla ħila jingħata ħila partikulari.
Kif inhi s-sitwazzjoni llum, ħaddiem b’salarju baxx jiddependi mill-karita’ li jagħmel miegħu xi ħadd fil-politika. Din mhix xi ħaġa ta’ min jiftaħar biha.