L-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex l-impenji tal-istrateġija Ewropea dwar id-diżabbilta’ jitqiegħdu fil-prattika b’mod sħiħ. L-Ewro Parlamentari saħqu dwar dan f’resoluzzjoni li ġiet ivvotata fil-Parlament Ewropew. 

Ir-resoluzzjoni tanalizza x-xogħol tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbilta’ tal-Kummissjoni għall-perijodu 2010-2020 u telenka l-azzjonijiet prinċipali fi tmien oqsma ta’ prijorita’: l-aċċessibbilta’, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni  soċjali, is-saħħa u l-azzjoni esterna. 

Persuni b’diżabbilta’ għandhom id-dritt għal trattament ugwali sabiex jgħixu b’mod indipendenti u biex ikunu membri sħaħ tas-soċjeta’. Imma minkejja n-numru kbir ta’ programmi u liġijiet, nies bi bżonnijiet speċjali għadhom mhux qed igawdu drittijiethom b’mod sħiħ. 

Miżuri ta’ prijorita’, li se jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea u/jew l-istati membri, jinkludu: 

  • in-numru tal-emerġenza 112 irid ikun aċċessibbli; 
  • irid ikun assigurat li l-ispazji pubbliċi ikunu aċċessibbli għal kulħadd fl-istati membri kollha; 
  • l-introduzzjoni ta’ diskriminazzjoni pożittiva, bħal kwota għal persuni  b’diżabbilta’ għal impjiegi fis-settur pubbliku u fis-settur privat; 
  • l-għoti ta’ attenzjoni speċjali lil nisa u tfajliet b’diżabbilta’, peress li spiss iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni doppja; 
  • irid ikun assigurat li ż-żgħażagħ b’diżabbilta’ jistgħu jieħdu sehem b’mod sħiħ  f’inizjattivi tal-UE bħal Erasmus+, il-Garanzija taż-Żgħażagħ u  l-Korp Ewropew tas-Solidarjeta’, u; 
  • taħriġ għal  staff  fl-edukazzjoni sabiex jappoġġjaw persuni bi ħtiġiet aktar diffiċli. 

L-infurzar ta’ liġijiet tal-UE 

L-Ewro Parlamentari wkoll isejħu lill-istati membri kollha sabiex japplikaw il-leġislazzjoni kollha relatata mal-aċċessibbilta’. Il-Parlament Ewropew qed jittama li l-Att  Ewropew dwar  l-Aċċessibbilta’ se jgħaddi malajr u jħeġġeġ lill-Kunsill  Ewropew sabiex jelimina l-iżblokk fit-taħditiet kontra d-diskriminazzjoni. 

Obbligi tal-istituzzjonijiet Ewropej 

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jassiguraw li l-websites tagħhom ikunu pari passu mal-gwidi tal-aċċessibbilta’ tal-internet. Il-laqgħat pubbliċi kollha tagħhom għandhom ikunu aċċessibbli, billi, per eżempju, jipprovdu l-interpretazzjoni  bil-lingwa tas-sinjali, id-diskors maqlub għal test miktub u dokumenti bil-braille. 

Ir-resoluzzjoni wkoll tagħti lill-Kummissjoni ftit gwida dwar strateġija tad-diżabbilta’ effettiva għall-perijodu 2020-2030, li, jgħidu, għandha tkun riflessa fil-leġislazzjoni kollha tal-UE u l-Proċess tas-Simestru Ewropew. 

Fatti ta’ malajr 

Kważi waħda minn  kull sitt persuni fl-UE fl-eta’ ta’ 15-il sena ‘l fuq tgħix b’xi forma ta’ diżabbilta’. Hekk kif il-popolazzjoni qed tixjieħ, dan  in-numru mistenni jogħla b’mod sinifikanti. 

L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbilta’ tal-Kummissjoni  Ewropea 2010-2020, addottata fl-2010, tipprovdi gwida għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar  id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta’ (UNCRPD), u li tagħha l-UE hi membru.