Il-Ġeo-blocking
Fid-29 ta’ Novembru 2017, rappreżentanti permanenti tal-istati membri tal-UE laħqu ftehim mal-Parlament Ewropew fuq abbozz ta’ liġi sabiex jitneħħa l-ġeo-blocking – forma ta’ miżura ta’ protezzjoni teknoloġika fejn l-aċċess għal kontenut fuq l-internet ikun ristrett skont minn fejn wieħed qed jaċċessa għas-servizz.
Il-ftehim, li għad irid jiġi addottat b’mod finali mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew, se jneħħi ostakli għall-kummerċ elettroniku billi jevita d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalita’ tal-klijenti, ir-residenza jew il-post tal-istabbiliment.
Bħalissa 15 fil-mija biss tal-Ewropej jixtru prodotti minn ħwienet fuq l-internet bażati f’pajjiżi oħrajn fl-UE. Waħda mir-raġunijiet hi minħabba l-ġeo-blocking. Il-liġi se tipprevjeni d-diskriminazzjoni għall-konsumaturi u l-kumpaniji fuq l-aċċess għall-prezzijiet, għas-sales jew kundizzjonijiet ta’ ħlas meta jinxtraw prodotti u servizzi f’pajjiż ieħor fl-UE. Malli tkun infurzata, il-liġi tal-ġeo-blocking se tissupplimenta kisbiet oħrajn bħat-tmiem tal-ħlasijiet tar-roaming għal persuni li jużaw it-telefon ċellulari fl-UE u l-introduzzjoni ta’ portabbilta’ bejn fruntiera u oħra għal abbonamenti fuq l-internet.
Servizzi fejn il-karatteristika prinċipali hi l-provvediment tal-aċċess u l-użu ta’ kontenut protett bid-dritt tal-awtur, jew il-bejgħ ta’ xogħolijiet protetti bid-dritt tal-awtur f’għamla intanġibbli, bħal servizzi tal-istreaming tal-mużika, kotba elettroniċi u software, se jkunu esklużi mill-iskop tar-regolamentazzjoni.
Aqra aktar billi tagħfas hawn.