L-opportunitajiet offruti mill-Unjoni Ewropea u minn kumpaniji kbar f’pajjiżi Ewropej wasslu u għadhom jippermettu lil ħafna żgħażagħ u ħaddiema kwalifikati biex jaħdmu u jgħixu fl-Ewropa. Qed nitkellmu dwar dak li bl-Ingliż jgħidulu brain drain li hu r-riżultat ta’ kompetizzjoni dejjem tikber għat-talent li jinsab f’pajjiżi fejn hemm inċentivi dgħajfin għal ħaddiema kwalifikati biex jibqgħu fihom. 

Mijiet ta’ ħaddiema kellhom iħallu Malta għax ma setgħux isibu mpjieg kompatibbli mal-kwalifiki tagħhom. Aktar u aktar meta l-kundizzjonijiet offruti f’Malta huma baxxi meta mqabbla ma’ dawk f’pajjiżi oħrajn. 

Meta tgħix barra minn pajjiżek tiltaqa’ ma’ nies b’kulturi u ideat differenti, u tibda tapprezza minn  fejn ġej filwaqt li taċċetta  li d-dinja hija magħmula minn perspettivi differenti. 

L-Unjoni Ewropea, per eżempju, tippreżenta opportunitajiet kbar lil dawk li għandhom inizjattiva u ideat, u ħafna qed isibu li tistudja jew taħdem f’pajjiż barrani tiftaħ orizzonti ġodda. 

Ironikament, l-ikbar żvantaġġ għal Malta hu li ħafna nies validi qed jisfruttaw possibiltajiet ġodda u qed iħallu l-pajjiż. Dawk il-persuni b’inizjattiva, u allura dawk li jippromettu u li jistgħu jikkontribwixxu għal Malta, qed jitilqu. Żgħażagħ b’lawriji fil-qasam mediku, fil-letteratura, fl-amministrazzjoni, fil-kamp legali, fix-xjenza u f’diversi oqsma oħrajn qed isibu kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar fi stati membri oħrajn.  

Il-Gvern kellu bilfors jimporta ħaddiema barranin biex jimla l-vojt ta’ ħaddiema kwalifikati Maltin li marru jaħdmu barra minn Malta kif ukoll biex jimla l-vojt ta’ xogħolijiet li ma jridux jaħdmu l-Maltin. 

Madankollu dawk il-ħaddiema li siefru biex marru jaħdmu fl-Ewropa xi darba jirritornaw  lejn Malta u jikkontribwixxu. L-esperjenza wriet  f’pajjiżi oħrajn li ħafna ma jitilqux għal dejjem. Ikun  hemm dawk li jiżżewġu tfajla Belġjana jew raġel Ġermaniż u qatt ma  jirritornaw, imma li tmur taħdem fl-Ewropa mhux l-istess meta tmur tgħix l-Awstralja jew il-Kanada. Illum huwa faċli biex tivjaġġa. Fil-fatt wieħed jista’ jara Maltin li jżuru Malta kważi kull ġimgħa u dan ifisser li huma jibqgħu f’kuntatt ma’ Malta u jikkontribwixxu għaliha. 

Madankollu, ngħidu x’ngħidu, jeħtieġ li nindirizzaw il-kwistjoni tal-brain drain u nkunu ċerti li dawk in-nies li jitilqu b’xi mod jikkontribwixxu lejn art twelidhom.