Erasmus+ huwa wieħed mill-aktar programmi ta’ finanzjament tal-UE komprensivi, li jkopri għadd ta’ setturi u proġetti differenti. Il-programm Erasmus+ joffri opportunitajiet ta’ finanzjament f’numru ta’ setturi, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-isport u ż-żgħażagħ.

Fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali, Erasmus+ joffri għadd ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament differenti. Dan jinkludi appoġġ finanzjarju għal proġetti li joffru opportunitajiet edukattivi għal studenti u/jew persunal fi ħdan organizzazzjonijiet li joffru taħriġ. Dan jippermetti lill-organizzazzjonijiet applikanti jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim lill-individwi parteċipanti, bl-għan aħħari li jtejbu l-prospetti tal-karriera tal-parteċipanti.

Permezz ta’ din is-sejħa organizzazzjoni tista’ tibgħat lill-istaff jew lill-membri tagħha barra minn Malta għal job shadowing, tagħlim jew  taħriġ kif ukoll korsijiet interattivi. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet se tippermetti lill-organizzazzjoni applikanti żżid il-kapaċità u l-kompetenza tal-parteċipanti tal-proġett. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal din l-opportunità ta’ finanzjament hi t-23 ta’ Frar, 2022.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Programm Erasmus+ jew kwalunkwe materja oħra relatata mal-UE, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-SEM fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.