Matul din il-pandemija, diversi ħaddiema fil-kura tas-saħħa qed jiġġebdu sal-limiti tagħhom u lil hinn hekk kif qed jagħtu l-kura lill-pazjenti b’imħabba u dedikazzjoni. 

Mindu l-każijiet tal-COVID-19 żdiedu b’rata kostanti, il-ħaddiema fl-isptar konsegwentament qed iħabbtu wiċċhom ma’ influss kbir ta’ pazjenti. It-talba għall-iswabbing fiċ-ċentri tat-testijiet żdiedet, u dan qed iħalli lill-frontliners fi stat terribbli ta’ eżawriment. Uħud mill-ħaddiema li jħaddmu dawn iċ-ċentri, u li tkellmu fil-media, saħqu li għandhom bżonn iżjed għajnuna, mhumiex motivati u saħansitra ma tħallsux tas-sahra li ħadmu fil-ġimgħat li għaddew. 

Barra minn hekk, ġie rappurtat li xi nies li kienu qed jistennew fil-kjru biex jiġu ttestjati qalu lill-frontliners biex iħaffu għax kienet is-sħana. Ma tawx kas il-fatt li dawn il-ħaddiema, bl-ilbies protettiv li jkunu lebsin, jispiċċaw imxarrbin għasra imma xorta waħda jibqgħu għaddejjin b’xogħolhom. Din  hi l-empatija li qed jieħdu dawn il-ħaddiema!  

Voice of the Workers huwa konxju tal-ħidma kbira li qed titwettaq mill-ħaddiema tal-isptar. Għalhekk, il-pubbliku jrid jikkoopera speċjalment mal-frontliners kollha fl-isforzi li qed isiru biex l-imxija tal-COVID-19 tkun  ikkontrollata, u biex ma jipprovokawx b’xi mod jew ieħor. Ejja ma nisfidawx deliberatament il-paċenzja tal-istaff li jkunu minn tal-ewwel biex jagħtuna l-kura. 

Hija r-responsabbiltà ta’ kull ċittadin, flimkien mal-Gvern, li jagħti appoġġ lill-ħaddiema tas-saħħa li qed jipprovdu l-aqwa servizz matul dan iż-żmien kritiku tal-COVID-19. Il-Gvern u l-partijiet interessati jridu jkomplu jifhmu li huwa impossibbli li nirbħu din il-battalja kontra l-coronavirus mingħajr il-kooperazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa u ħaddiema oħrajn li huma fuq il-frontline. 

Barra minn hekk, il-ħaddiema essenzjali huma dawk li qed ikunu minn ta’ quddiem kuljumjaqdu dmirhom bla heda matul din il-kriżi. Irridu nassiguraw li l-isforzi u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu rikonoxxuti b’mod xieraq. Intant, ilkoll kemm aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna u nieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji, inkluż l-iġjene kontinwu u d-distanza soċjali biex inrażżnu dan il-virus. 

Ħaġa waħda hija assolutament ċara: il-pandemija għadha ma għaddietx. Madankollu, it-tobba, l-infermieri u l-ħaddiema  fil-kura tas-saħħa saru l-eroj tagħna f’din il-pandemija. Iżda, l-applawsi u t-tifħir mhumiex biżżejjed. Sakemm jibqgħu jaħdmu u jesponu lilhom infushom għall-virus, dawn il-ħaddiema u oħrajn  fuq il-frontline għandhom jiġu kkumpensati sewwa ta’ ħidmiethom.