L-ispiża umana tal-policies marbutin mal-fruntieri saret tassew reali. Meta n-nies imutu, huma u jippruvaw jaqsmu l-fruntieri, ir-rispons mill-politiċi tkun kważi dejjem l-istess. Jgħidu li huma xxokkjati u mnikkta filwaqt li jibqgħu għaddejjin bħas-soltu, qisu  xejn  mhu xejn. 

Il-kliem ta’ simpatija ma jagħmlux ir-rotot tal-ivjaġġar sikuri, legali jew iwaqqfu l-policies li jħallu lil tant nies għall-istess destin. 

L-evidenza hija ċara. Il-policies tal-fruntieri huma l-problema filwaqt li rotot sikuri u legali huma waħda mis-soluzzjonijiet. Individwi li jaqsmu l-Mediterran biex ifittxu futur aħjar ma jistgħux jixtiequ l-mewt. L-imwiet jistgħu jiġu evitati imma l-politiċi jibqgħu jagħmluha impossibbli biex in-nies jilħqu art Ewropea. 

Il-ħaġa hi li jekk ma nkunux qed nittimbraw lill-immigranti qed inwaħħlu f’min jittraffikahom li  huma mfissra bħala grupp li għandu jkun responsabbli  mill-problema kollha. Madankollu, dan m’għandux jiskaġuna r-reat li jsir mit-traffikanti imma li npoġġu dan kollu f’kuntest wiesa’. Fejn il-gvernijiet għalqu rotot sikuri u legali, ħafna persuni m’għandhomx għażla. Ħadd ma jagħżel li jħallas flejjes kbar biex jagħmel vjaġġ perikoluż f’dinghy jekk jista’ jħallas ħafna  inqas biex jaqsam abbord bastiment jew lanċa. 

Ħafna persuni li qed jipprovaw jaslu l-Ewropa mil-Libja x’aktarx li jkunu qassmu eluf ta’ mili fuq l-art u  fuq il-baħar. Id-dibattitu f’pajjiżna dwar l-immigrazzjoni illegali ma tħalliex  jersaq qrib  il-verità. Allura rridu  nispjegaw li dawn  il-persuni huma nies  bħalna u ninkoraġġixxu lil oħrajn biex jimmaġinaw ruħhom fis-sitwazzjoni tagħhom. Tista’ timmaġina lilek  innifsek taħrab minn pajjiżek minħabba gwerra jew persekuzzjoni? 

Meta t-telf tal-ħajja fil-Mediterran  jispiċċa fl-aħbarijiet, ilkoll nitħasru lill-vittmi, filwaqt li l-istess retorika kontra  l-ażil u  kontra l-immigranti tissokta u l-policies jibqgħu l-istess. 

Ħafna se jibqgħu jmutu b’dan il-mod. Aktar tfal u  adulti mgħarrqa. Is-sitwazzjoni  m’għandhiex tkun hekk. Il-moviment jista’ jkun sikur, legali u faċli. Madankollu, il-bidla trid tibda billi nirrikonoxxu li l-fruntieri huma l-problema mhux is-soluzzjoni.