Il-kwistjoni tal-COVID-19 qed tkun trattata permezz ta’ informazzjoni xjentifika, ġudizzji politiċi u deċiżjonijiet etiċi. Wara kull statistika li toħroġ mill-awtoritajiet tas-Saħħa hemm individwi mħassba u familji inkwetati kif ukoll persuni li sfortunatament tilfu l-ġlieda għall-ħajja. 

Għall-pubbliku, il-ħafna informazzjoni u pariri li qed joħorġu jistgħu jikkonfondu u xi kultant ukoll jistgħu jkunu wisq. Bla dubju, dan kollu qed ikun intensifikat b’aħbarijiet foloz fil-media soċjali. Allura kif se nivvalutaw dak li naraw u nisimgħu kuljum? X’nafu dwar min hu l-aktar u l-anqas f’riskju? Il-Gvern qed jirreaġixxi tajjeb għal din il-kriżi u qed jieħu ħsieb l-ekonomija biżżejjed? Kif u għaliex se jaqgħu r-restrizzjonijiet li ġew imposti fuq il-pubbliku? Dawn mhumiex mistoqsijiet akkademiċi imma jolqtu lis-saħħa fiżika, mentali u ekonomika ta’ kull wieħed u waħda minna u tas-soċjetà b’mod ġenerali. 

Dawk l-anzjani li jbatu minn xi kundizzjonijiet mediċi, bħal pressjoni għolja, dijabete u mard fil-qalb huma l-aktar f’riskju, partikularment jekk għandhom iżjed minn kundizzjoni waħda f’salt. Tali persuni jridu jieħdu iżjed prekawzjonijiet. Il-parir ġenerali li jevitaw  kuntatt mill-inqas, it-tbegħid soċjali u iġjene sempliċi huwa aktar importanti jekk iridu jkunu ‘l bogħod mill-periklu. 

Fil-livell ta’ riskju li jmiss insibu l-popolazzjoni ġenerali li hi strumentali  biex tipproteġi dawn il-gruppi vulnerabbli mill-imxija tal-infezzjoni. Dan jagħmel ukoll sens lil dawk li huma f’riskju minimu hekk kif uħud minnhom xorta jistgħu jispiċċaw l-isptar, fil-kura intensiva jew fuq il-ventilatur. L-espożizzjoni bla  bżonn għall-virus f’dan il-grupp jista’, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għan-nuqqas ta’ kapaċità x’imkien ieħor b’riżultat li dawk il-gruppi ta’ nies l-aktar f’riskju  jistgħu jsibu  ruħhom mingħajr l-appoġġ neċessarju. 

Parti mill-problema  tagħna hi n-nuqqas ta’ informazzjoni  dwar kemm il-virus infirex u dan minħabba n-nuqqas ta’ ittestjar fil-pubbliku ġenerali li m’għandu ebda sintomu. Xi studji ssuġġerew li proporzjon tal-popolazzjoni seta’ kien espost għall-virus mingħajr ma żviluppa s-sintomi, għalkemm xorta jistgħu jxerrdu l-virus lil persuni oħrajn. 

Fi ħdan il-popolazzjoni ġenerali għandna wkoll iż-żgħażagħ u t-tfal fejn il-gravità tal-marda għandha tendenza li tkun ħafifa, għalkemm huwa kruċjali li wieħed jirrimarka li wħud minnhom jistgħu jiżviluppaw xi marda serja jew saħansitra fatali. 

Dan in-nuqqas ta’ tagħrif jagħmilha tassew diffiċli biex iwieġeb mistoqsija oħra: l-ekonomija tagħna se tkun qed tħallas prezz għoli bla bżonn?  

L-informazzjoni hija essenzjali biex ikunu jistgħu jitnaqqsu r-restrizzjonijiet li ġew imposti fil-pajjiż. Kif se nnaqqsu r-riskju ta’ infezzjoni fil-popolazzjoni waqt li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ekonomija? Dawk li huma f’inqas riskju u kellhom jieqfu mix-xogħol għandhom ikunu minn tal-ewwel biex jerġgħu jikkontribwixxu fl-ekonomija, segwiti bi gruppi oħrajn. Sadattant għandha tibqa’ tingħata protezzjoni  lil dawk l-aktar vulnerabbli u jkun minimizzat ir-riskju ta’ xi mxija oħra. 

Il-ġudizzji politiċi u deċiżjonijiet etiċi xorta jridu jibqgħu jsiru, iżda bit-tama li dawn ikunu appoġġjati b’aktar tagħrif oġġettiv u aħjar minn dak li kellna s’issa.