Iċ-ċirkostanzi tal-problemi soċjali li għandna f’pajjiżna huma varji. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ impjieg u allura nuqqas ta’ finanzi dawn se jwasslu għal problemi oħrajn għall-persuna konċernata. Wieħed isemmi d-dipendenza fuq ċertu vizzji bħal-logħob tal-flus, l-alkoħol u saħansitra l-abbuż minn sustanzi llegaliDawn huma ‘muturi’ li jpoġġu lin-nies fil-problemi soċjali.  

Jista’ jinqala’ xi ħaġa f’ħajjet il-persuna li twassal għall-problemi soċjali. Allura l-istil tal-ħajja tal-persuna u tal-familja tiegħu trid tinbidel kompletament. Jista’ jinqala’ xi mard fil-familja u r-rutina trid tinbidel għal kollox, tant li anki l-ħinijiet tax-xogħol iridu jinbidlu. 

Is-saħħa mentali, tajba kemm tkun tajba, se tgħin lil dak li jkun biex jinqala’ mill-problemi soċjali. Is-soċjetà trid tgħin lil dawn in-nies biex joħorġu mill-problemi soċjali. Irridu nħarsu lejn din il-kwistjoni mill-aspett ta’ komunità u jekk b’mod kollettiv ngħinu lil kulħadd, il-problemi soċjali għandhom jittejbu. Huwa diffiċli, anzi dawn il-problemi ma jispiċċaw qatt. Imma dan huwa l-ideal. Irridu nitilqu minn dan il-binarju: kif se ngħinu lil dawk in-nies biex jinqalgħu mill-problemi soċjali tagħhom? 

Madankollu ssib min li minkejja jkun għaddej minn diversi problemi jirrifjuta li jikseb l-għajnuna. Minkejja li l-persuna jkollha diversi opportunitajiet ippreżentati lilha biex tipprova tinqala’ mis-sitwazzjoni li jkun fiha, xorta waħda ma jkollhiex ir-rieda jew l-aptit li tiġi megħjuna.  

Hawnhekk wieħed ukoll irid jara s-sistema ta’ appoġġ  lill-persuna konċernata. Sfortunatament, hawn min litteralment ma jkollu lil ħadd mill-familja biex jgħinu. Jgħix assolutament waħdu. F’din is-sitwazzjoni, il-komunità jew il-ġirien huma strumentali biex jagħtu l-għajnuna lil persuna  jew persuni vulnerabbli.  

F’pajjiżna, fortunatament, għad hawn sens ta’ komunità u dan huwa aspett li għandu jiġi sostnut. Il-parroċċi u l-amministrazzjonijiet fl-iskejjel ukoll jistgħu jidentifikaw min jinsab bi problemi soċjali  u jirreferuhom għall-għajnuna. 

Kollox ma’ kollox, jeżistu s-servizzi u l-mezzi edukattivi iżda fuq kollox irid ikun hemm ir-rieda tal-individwu biex wieħed iqum fuq saqajh u jfittex l-għajnuna. Illum qabel għada.