Wara d-deċiżjoni mill-Kunsill fil-31 ta’ Marzu biex iniedi Operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI, bid-dmir prinċipali li timplimenta l-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fil-Libja, -Chairperson tas-Sottokumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża tal-Parlament Ewropew Nathalie Loiseau (Renew Ewrope) qalet: 

“Din  hija operazzjoni militari ġdida tas-CSDP (Politika Komuni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) u hija intenzjonata biex issaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni Ewropea ħalli tinforza l-embargo tal-armi tan-Nazzjonijiet Uniti, li huwa prerekwiżit biex il-konflitt fil-Libja jintemm. Id-deċiżjoni biex titnieda IRINI hija milqugħa. Ġiet fi żmien meta s-sitwazzjoni fil-Libja tibqa’ preokkupanti ħafna. Il-ġlied għadu għaddej u l-fazzjonijiet ta’ ġellieda jibqgħu jiksbu l-armi minn barra l-pajjiż, filwaqt li l-qawwiet barranin qed jibgħatu l-merċenarji fil-Libja u jżidu fil-konflitt minflok jaħdmu lejn is-soluzzjoni tagħha.  

Bit-tnedija ta’ IRINI, l-Unjoni Ewropea qed turi l-prijorità li hi tagħti lill-istabbiltà tal-Libja u qed tibgħat sinjal dwar l-unità tagħha. L-istati membri kollha jappoġġjaw il-proċess politiku li beda bil-Konferenza ta’ Berlin u qed isejħu lill-fazzjonijiet ta’ ġellieda biex  itemmu l-ostilitajiet b’mod sħiħ. 

Fi żmien meta d-dinja kollha qed tħabbat wiċċha ma’ kriżi kbira fis-saħħa, huwa l-mument opportun li noqogħdu  għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tmiem tal-konflitti madwar id-dinja.”