L-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jappellaw lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun joqgħod id-dar u meta noħorġu għax-xogħol jew biex nixtru affarijiet essenzjali nżommu d-distanza minn xulxin. Bħal f’pajjiżi oħrajn madwar id-dinja, it-tbegħid soċjali qed ikun infurzat u f’Malta min jinqabad ikun f’gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni qed jiġi mħarrek. 

Iżda mhux kulħadd għandu l-lussu li jitbiegħed min-nies u joqgħod id-dar. Diversi ħaddiema lkoll jafu kif il-virus jittieħed u ma jridux jimirdu iżda fl-istess ħin iridu jipprovdu servizz lill-komunità. Insemmu l-ħaddiema fl-isptarijiet, il-first responders, il-kaxxiera u l-ħaddiema fis-supermarkets, il-carers fid-djar tal-anzjani u fid-djar għal persuni b’diżabbiltà. 

Nimmaġina li dawn il-persuni wkoll jippreferu joqogħdu d-dar mal-għeżież tagħhom, jordnaw l-ikel jew jieħdu ħsieb uliedhom. Min jista’ qed jingħata l-opportunità li  jaħdem mid-dar. Imma hawn ħaddiema li jkollhom jużaw it-trasport pubbliku allura jitħalltu ma’ ħaddieħorjinkwetaw meta kollegi jkunu qed jisogħlu fil-preżenza tagħhom jew qed jaħdmu f’postijiet fejn m’hemmx biżżejjed sanitizers. 

Mhux it-tort tagħna li hawn dan il-virus, imma l-fatt li hawn min qed jinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u joħroġ għal xejn b’xejn, jew min forsi mhux qed jipproteġi biżżejjed lill-ħaddiema tiegħu – dan iva, huwa tort tagħna. Ma  rridux inkunu egoisti, anzi rridu niffokaw biex ma nimordux jew ma nħallu lil ħadd jimrad. 

F’din il-kriżi, Voice of the Workers isellem u jirringrazzja lil ħafna ħaddiema li qed jagħtu servizzi essenzjali imprezzabbli fil-komunità f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Insemmu l-infermieri, it-tobba u professjonisti oħrajn fl-isptarijiet, l-ispiżjara, ix-xufiera tal-ambulanzi, ix-xufiera tat-trasport  pubbliku, il-mechanics ta’ dawn il-vetturi kif ukoll l-inġiniera li jżommu l-power stations, is-sistemi tad-drenaġġ u s-sistemi tal-isptarijiet għaddejjin il-ħin kollu. 

Ma jonqsux, fost  oħrajn, il-ħaddiema tax-xatt u dawk li  jaħdmu fil-Port Ħieles, il-cleaners, dawk li jiġbru l-iskart  domestiku, il-pustiera, il-puliżija, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, is-suldati li qed jgħinu fit-tqassim ta’ l-ikel u provvisti oħrajn lil min hu fi kwarantina, is-sidien ta’ ħwienet tal-merċa li baqgħu miftuħin, ħwienet oħrajn tal-ikel, il-ħaddiema li jaħdmu fis-supermarkets u l-bejjiegħa tal-ħaxix. U xi ngħidu dwar il-ħaddiema tal-media li qed jaġġornawna bl-aħbarijiet kuljum? Ma’ dawn hemm ħafna ħaddiema vitali oħrajn li wkoll qed joħorġu għax-xogħol biex jagħtu servizz lill-komunità u ta’ dan għandna nirringrazzjawhom. 

L-għajxien tagħna jiddependi fuq dawn in-nies li qed joħorġu għax-xogħol biex ikunu ċerti li qed jagħmlu dak li jistgħu jagħmlu għalina lkoll…u dan b’kuraġġ u determinazzjoni.