Approvat pjan tat-taxxa korporattiva ġdid li jħaddan “preżenza diġitali”
Ditti se jkunu intaxxati skont proposti ġodda għal sistema tat-taxxa korporattiva armonizzata li wkoll tikkunsidra l-attivitajiet tagħhom fuq l-internet sabiex jikkalkulaw it-taxxa tagħhom.
Il-“Bażi tat-Taxxa Korporattiva Komuni Konsolidata” (CCCTB) li hi pjanata, parti minn proposta wiesgħa sabiex jinħoloq reġim tat-taxxa korporattiva tal-UE ewlenija, ċara u ġusta, kienet approvata mill-Kumitat Ekonomiku u Monetarju fil-jiem li għaddew bi 38 vot favur, 11-il vot kontra u ħames astensjonijiet.
Miżura separata u kumplimentari li toħloq il-bażi għal sistema tat-taxxa korporattiva armonizzata – il-Bażi tat-Taxxa Korporattiva Komuni – kienet approvata b’39 vot favur, 12-il vot kontra u ħames astensjonijiet.
Dawn iż-żewġ miżuri flimkien jimmiraw li joħolqu sistema ta’ taxxa għall-ekonomija dinjija u diġitali fis-seklu 21.
“Il-preżenza diġitali”
Il-proposti jinkludu punti ta’ referenza li jiddeterminaw jekk ditta għandhiex “preżenza diġitali” fi ħdan stat membru tal-UE li tista’ tkun suxxettibbli għat-taxxa anki jekk ma jkollhiex post fiss ta’ negozju f’dak il-pajjiż.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji wkoll iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex iħares il-livelli tekniċi għan-numru ta’ utenti, kuntratti diġitali u l-volum ta’ kontenut diġitali miġbur, li kumpanija tisfrutta għal skopijiet ta’ data mining. Dawn il-miżuri għandhom jipproduċu stampa iżjed ċara ta’ fejn ditta tiġġenera l-profitti tagħha, u fejn għandha tkun intaxxata.
Informazzjoni personali hi ta’ vantaġġ kbir u hi wżata minn ditti bħal Facebook, Amazon u Google sabiex jinħoloq il-ġid tagħhom, imma bħalissa għadu mhux kunsidrat meta jiġu kalkulati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa.
One-stop shop għat-taxxa
Ditti jistgħu jikkalkulaw il-kontijiet tat-taxxa tagħhom billi jżidu l-profitti u t-telf kollha tal-kumpaniji tagħhom fl-istati membri kollha tal-UE. Profitti taxxabbli mbagħad jiġu allokati lil kull stat membru fejn taħdem id-ditta skont formula bbażata fuq il-bejgħ, l-assi u x-xogħol kif ukoll l-użu tal-informazzjoni personali.
L-iskop hu li titwarrab il-prassi ta’ ditti li jċaqilqu l-bażi tat-taxxa tagħhom lejn ġurisdizzjonijiet li għandhom inqas taxxa.
Malli l-profitti jiġu effettwati, sett uniku ta’ regolamenti tat-taxxa japplika fl-istati membri kollha. Id-ditti ma jkollhomx bżonn jittrattaw aktar mat-28 sett differenti ta’ liġijiet nazzjonali, u jkunu responsabbli għal amministrazzjoni tat-taxxa waħda.
Taħt il-proposti tal-Kummissjoni, il-leġislazzjoni se tkopri gruppi ta’ kumpaniji b’bejgħ iġġenerat u kkonsolidat li jaqbeż is-€750 miljun. L-Ewro Parlamentari jridu li dan il-limitu minimu jitnaqqas għal żero fi żmien seba’ snin.