L-akbar theddida lill-valuri ta’ dan il-pajjiż hi meta n-nisrani joqgħod lura milli jitkellem. In-nisrani m’għandux iħossu intimidat li jitkellem imma jressaq l-ideat li mhux bilfors jgħaddu tiegħu. In-nisrani jrid jitgħallem jitkellem bir-rispett, jiddiskuti  filwaqt li jivvaluta l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor. 

Il-valuri Kristjani huma, wara kollox, valuri umani għax jgħinu lill-bniedem jirrispetta d-dinjita’ tiegħu u jgħinu lill-individwu biex jiskopri dak li hemm tajjeb fih u madwaru. Il-valuri Kristjani, għalkemm jissejħu Kristjani, huma valuri universali għax jirrispettaw id-dinjita’ ta’ kulħadd. 

Dak li jagħmel persuna nisranija, naturalment, hi l-magħmudija imma l-mixja nisranija ma tiqafx hemm. In-nisrani huwa dak  li hu dixxiplu ta’ Ġesu’ Kristu, bħalma Musulman iħares lejn Mawmettu, bħalma membri ta’ reliġjonijiet oħrajn  iħarsu lejn figuri kbar bħalma hu Budda jew bħalma hu Konfuċju. In-nisrani – u hawn qed nirreferu għall-Kattoliku, l-Ortodoss, il-Luteran, l-Anglikan, il-Pentekostali u oħrajn – jipprova jagħmel minn kollox biex ifassal ħajtu fuq it-tagħlim ta’ Kristu. Dan mhux dejjem faċli għax Kristu jpoġġi diversi sfidi u dak li jkun jista’ jiġi aljenat u jimxi mal-kurrent. Meta xi ħadd iweġġagħna, l-istint ikun li npattu imma  Ġesu’ Kristu jgħallimna mod ieħor. 

Hemm il-golden rule li kważi jgħidha kulħadd, anki membri ta’ reliġjonijiet oħrajn, jiġifieri, “dak li jien nixtieq li  jsir lili jien nagħmlu lil ħaddieħor u viċi versa”. In-nisrani, jew aħjar il-Kristjan, huwa dak li jimxi fuq l-eżempji ta’ Ġesu’, bħalma hi l-maħfra u li wieħed jagħti xhieda.  

Mons. Hector Xerri, Professur tat-Tejoloġija fl-Universita’ ta’ Malta, jistqarr li l-valuri Kristjani jiġu għall-akbar test tagħhom meta jkun hemm ambjent li jkun sekularizzat. In-nisrani ma jibżax mis-sekularizzazzjoni imma għandu vuċi bħalma għandu kulħadd.  

F’ambjent sekularizzat, in-nisrani juża argumenti li ġejjin mir-raġuni għax dak kollu li hu nisrani huwa wkoll raġonevoli. Naturalment meta jkun hemm ħafna ilħna, aħna bħala nsara nirrispettaw ilħna jew opinjonijiet oħrajn. Min-naħa l-oħra, nippretendu vuċijiet oħrajn li jirrispettaw il-vuċi nisranija. 

Wieħed għandu jitkellem bil-persważjoni mingħajr ma jimponi. In-nisrani għandu jipproponi dak li jemmen fih u jipproponih b’konvinzjoni. 

B’referenza għall-kwistjoni li qamet dan l-aħħar f’pajjiżna dwar il-kurċifissi fl-iskejjel, fl-uffiċji u f’postijiet pubbliċi, Mons. Xerri jistqarr li s-salib hu s-sinjal ta’ l-akbar imħabba; għalkemm kien strument ta’ tortura, is-salib qed ifakkar lil dak li  jkun li kien hemm bniedem jismu Ġesu’, l-Iben ta’ Alla, li tant ħabb lil ħaddieħor li ta lilu nnifsu.  

“Niskanta kif kultant iqum dibattitu, meta nitkellem ma’ membri ta’ reliġjonijiet oħrajn, u dawn ma jsibu ebda diffikulta’ li aħna  nużaw il-kurċifiss”,qal Mons. Xerri filwaqt li żied li “ l-istramberija hi li kultant  ikunu l-insara stess li jqajmu d-diffikulta’, forsi jkollhom aġenda oħra.” Hawn insara li m’għandhomx fidi llum jew forsi birdu u li jixtiequ ‘jiddekristjanizzaw’. Dan  meta l-fidi nisranija hi parti mill-kultura Maltija u ma nistgħux niċħdu verita’ storika. Ir-reliġjon nisranija kellha impatt qawwi fuq il-mod kif nesprimu ruħna, tant li l-ilsien  Malti jkopri ħafna idjomi li huma reliġjużi. Allura dawn inneħħuhom ukoll? 

Hija verita’ li hawn min għandu oġġezzjoni fuq is-salib. Għaliex hemm din  l-oġġezzjoni? Għax naraw lil xi ħadd jagħti lilu nnifsu? Hawn tant nies, li mhumiex insara, li jagħtu lilhom infushom b’sagrifiċċju għax jemmnu f’ideal! Is-salib jista’ jwassal dan il-valur ta’ l-għotja ta’ persuna li tħobb lil ħaddieħor. Persuni li ma jemmnux jagħtuna eżempju. Allura għaliex dan is-salib, li huwa sinjal, għandna niddejqu minnu?