Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jista’ jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjoni tal-ġejjieni. Dan intqal f’abbozz ta’ resoluzzjoni maqbula mill-Konferenza tal-Presidenti (Il-President tal-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-gruppi politiċi). Din ir-relazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq erba’ pilastri: ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, il-politika barranija, is-sigurta’ interna u l-koperazzjoni tematika, per eżempju dwar riċerka bejn il-fruntieri u proġetti innovattiva. L-Ewro Parlamentari insistew li l-ftehim għandu jinkludi qafas konsistenti ta’ governanza, b’mekkaniżmu robust dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim. 

Il-mozzjoni, ippreparata mill-Grupp ta’  Tmexxija dwar il-Brexit fi ħdan il-Parlament Ewropew, tenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha regoli komuni, istituzzjonijiet  komuni, superviżjoni komuni,  infurzar u mekkaniżmi aġġudikatorji, sabiex tagħmilha ċara li anki terzi pajjiżi b’leġislazzjoni identika ma jistgħux  igawdu drittijiet simili, benefiċċji jew aċċess għas-suq ma’ dawk ta’ stati membri fl-UE. 

Kull qafas għar-relazzjoni tal-futur jeħtieġ li jirrispetta l-integrita’ tas-suq intern, l-unjoni doganali u l-erba’ libertajiet, mingħajr ma tippermetti approċċ settur b’settur. Għandu jippriserva l-awtonomija tal-UE tad-deċiżjoni u l-ordni legali,  inkluż ir-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. 

L-abbozz ta’ resoluzzjoni jilqa’ l-abbozz tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Frar dwar il-ftehim ta’ l-Irtirar u jesprimi appoġġ għall-arranġamenti transizzjonali li huma proposti. L-abbozz ukoll itenni l-importanza mogħtija għall-assigurar ta’ trattament ugwali u  ġust għal ċittadini Ewropej li jgħixu fir-Renju Unit u ċittadini Ingliżi li jgħixu fl-UE. 

Il-passi li jmiss 

Il-membri ddiskutew it-test ta’ l-abbozz mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u mal-Kap Negozjatur Michel Barnier ilbieraħ 13 ta’  Marzu. Ir-resoluzzjoni kif ivvotata se tistipula l-kontribut tal-Parlament qabel ma jitlaqqa’  is-summut tal-kapijiet ta’ stat jew gvern tal-UE, li mistenni japprova l-linji gwida tal-Kunsill għan-negozjati dwar ir-relazzjoni tar-Renju Unit mal-UE fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ irtirar u ftehim ta’ assoċjazzjoni fil-ġejjieni jeħtieġ li jirbaħ l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.