Minn Hermann  Micallef 

Proġett ambizzjuż fir-riċiklaġġ ta’ l-ilma, li hu vijabbli u meħtieġ għal Malta, ngħata l-ġenb mill-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika mingħajr ma ngħatat raġuni konkreta, valida u serja għaliex ma ġiex aċċettat.  

L-Inġinier u Idrologu Marco Cremona, il-moħħ wara dan il-proġett, esprima d-dispjaċir u l-għadab tiegħu f’intervista ma’ Voice of the Workers wara li ħadem fuq dan il-proġett għal diversi snin biex imbagħad uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waqqgħulu u ħallewh bla kliem dwar x’seta’ wassal għal dan ir-rifjut.  

Marco Cremona qed jallega li l-awtoritajiet beżgħu mill-proġett innovattiv u kreattiv tiegħu għax forsi kien ikun aħjar li tittieħed idea ta’ xi professjonist jew akkademiku minn pajjiż ieħor. 

L-Inġiner Cremona tkellem dwar l-istorja ta’ dan il-proġett u d-diżappunt warajh. Hu fisser li l-proġett kien immirat għar-riċiklaġġ tal-ilma fil-lukandi. Malta hi miżgħuda bil-lukandi li jikkunsmaw ħafna ilma. Marco Cremona spjega li dan  il-proġett jaħdem u jaħdem  sew tant  li ġie pprovat teknoloġikament filwaqt li kapaċi jirriċikla sa 90 fil-mija tal-ilma f’lukanda. Sabiex l-inizjattiva taħdem, lukanda trid tixtri 10 fil-mija ta’ ilma ġdid u kull taqtira ilma fil-lukanda tintuża għaxar darbiet qabel ma tispiċċa.  

“Meta bdejt nagħmel il-kuntatti għall-permessi bdew jingħalquli l-bibien kollha” 

Marco Cremona qal li dan il-proġett ikopri tliet stadji dwar it-trattament tal-ilma. L-ewwel nett il-proġett jinvolvi impjant li juppurifika d-drenaġġ għal ilma tat-tieni klassi, ilma li ma jkunx tajjeb għax-xorb imma li jista’ jintuża għall-flushing tat-toilets u għat-tisqija tal-art. “Minn dan l-ilma se jibqa’ iżżejjed u dan iżżejjed ma jinħeliex imma jgħaddi minn proċess ieħor li jġib l-ilma tajjeb għax-xorb, avolja f’lukanda normalment ma jinxtorobx imma jintuża fix-showers”, spjega Marco Cremona filwaqt li qal li “l-kwalita’ u r-regolamenti jitolbu li jekk wieħed juża l-ilma għax-showers, l-istess ilma jrid ikun tajjeb għax-xorb”. Il-proċess, kif imħaddem mill-Inġinier Cremona, jagħmel dan kollu teknoloġikament possibbli. 

Marco Cremona spjega li hu kien kiseb €109,000 bħala fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) sabiex għamel ir-riċerka. Hu kellu wkoll prototip li ħaddmu fil-Lukanda Radisson Golden  Sands bejn l-2008 u l-2009. L-Inġinier ma kienx waħdu f’din l-inizjattiva imma kien imsieħeb ma’ speċjalisti Ġermaniżi li pprovdew it-teknoloġija, l-Island Group li offrew is-sit tagħhom sabiex fih ikun jista’ jagħmel it-testijiet, kif ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.  

“Il-proġett  kien suċċess tant li ġie rappurtat mill-istazzjon televiżiv Al-Jazeera”, sostna Marco Cremona filwaqt li żied li hu kien daħħal il-proġett  għal kompetizzjoni internazzjonali fuq l-istazzjon CNBC Business Channel. “Kont wieħed minn tliet finalisti għal premju ta’ €250,000 u l-kompetizzjoni xxandret madwar id-dinja permezz ta’  l-istazzjon televiżiv barrani”, qal Cremona. 

L-Inġinier spjega kif hu żviluppa business plan biex qabel ma l-proġett jiġi ppreżentat fuq livell internazzjonali, l-ewwel ikun hemm installazzjoni kummerċjali hawn  Malta. “Dan sabiex f’Malta jkolli kontroll tal-proġett u  jkun taħt għajnejja,  nikkonferma li kollox ikun tajjeb u , jekk ikun hemm  bżonn li nitgħallem xi affarijiet, nitgħallimhom”, qal Cremona filwaqt li żied li “nista’ nużah bħala vetrina ħalli, jekk jiġu investituri barranin, ikolli x’nuri”. 

Sussegwentament, fil-perijodu 2011-2012, Marco Cremona kiseb fondi tal-Environment Action, fondi li huma amministrati mill-Malta EnterpriseHu għamel użu minn dawn il-fondi sabiex jiffinanzja l-impjant kummerċjali.  Marco Cremona bena dan  l-impjant, ipprovah u ra li kien tajjeb. Minn hemm beda d-diskussjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika sabiex iġib permess ħalli juża l-ilma. Iffirma wkoll kuntratt mal-Lukanda Seabank li din kienet lesta tħallsu tal-ilma li kien se jipproduċi. Fil-fatt l-impjant kummerċjali kien u għadu fil-Lukanda Seabank. 

“Meta bdejt nagħmel il-kuntatti għall-permessi bdew jingħalquli l-bibien kollha”, stqarr Marco Cremona. Mistoqsi jissostanzja din ir-realta’, l-Inġinier Cremona ġab l-eżempju ta’ borehole fejn  wieħed ibigħ l-ilma lill-bowser bħala ilma tajjeb għax-xorb. “Il-proċess hu pjuttost sempliċi u kulma għandek tagħmel hu li timla applikazzjoni ta’ żewġ paġni, tieħu kampjun ta’ ilma f’laboratorju u jekk ir-riżultat juri li hu tajjeb għax-xorb tingħata l-liċenzja”.  

Peress li wieħed mill-imsieħba tiegħu fir-riċerka kien id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, u peress li din kienet ċirkustanza differenti mis-soltu, Marco Cremona ried  iqajjem diskussjoni mal-uffiċjali tad-Dipartiment dwar l-ittestjar ta’ l-ilma. Hu qal li f’sitt snin, mill-2012 sal-lum, Marco Cremona iltaqa’ ma’ diversi Supretendenti tas-Saħħa  Pubblika, ma’ diretturi tas-Saħħa Ambjentali u ma’ Ministri. L-ewwel reazzjoni kienet li jekk hu kien se jħaddem dan l-ilma, kellu l-obbligu li jinforma lil dawk kollha akkomodati fil-lukanda li l-ilma hu riċiklat. “Għalija  kienet diskriminatorja għax ebda  lukanda f’Malta m’għandha l-obbligu li tgħid lin-nies ospitati fiha minn fejn ġej l-ilma…sakemm l-ilma jilħaq il-livelli meħtieġa tas-Saħħa Pubblika u l-liġijiet Maltin li huma liġijiet Ewropej, dak l-ilma jista’ jintuża minkejja s-sors”, sostna Cremona. 

Mitlub jispjega x’inhuma r-raġunijiet għaliex sab l-intoppi, Marco Cremona qal li mhix kwistjoni personali jew politika. Wara li ressaq numru ta’ protesti ġudizzjarji u wara li stinka biex il-proġett jimmaterjalizza, l-Inġinier Cremona wasal għall-konklużjoni li minkejja li l-idea li ħaddan hi innovattiva għal Malta u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea, hu jallega li d-Dipartiment tas-Saħħa kien wisq konfuż u ħass li kienet sfortuna li din l-idea faqqset f’Malta.  

“L-Inġinier Cremona għadu bla permess biex iħaddem l-idea tiegħu”

“Ma nistax insib raġuni oħra għal dan kollu”, sostna Marco Cremona filwaqt li żied li “ma nafx kemm ipprovajt u ttestjajt l-ilma, stedint lill-uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika li jiġu l-lukanda biex jittestjaw xi jridu u meta jridu imma qatt ma laqgħu l-istedina tiegħi”.  

Barra minn hekk l-Inġinier Cremona ħallas għaċ-ċertifikazzjoni indipendenti minn konsulenti indipendenti sabiex il-proġett jiġi vverifikat minn ħaddieħor. Uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika kkummissjonaw risk assessment report li jgħid li l-magna tiegħu kapaċi tipproduċi ilma tajjeb. Minkejja dan kollu, u wara li għaddew sitt snin, l-Inġinier Cremona għadu bla permess biex iħaddem l-idea tiegħu.  

“Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalli, għax ma taqbadx l-idea u tmur biha l-Ġermanja?”. Marco Cremona kompla li “permezz ta’ din l-idea stajna konna minn ta’ quddiem f’din it-teknoloġija li issa dieħla fid-dinja kollha”. 

Marco Cremona elenka aktar skużi assurdi li ngħata mill-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. “Qaluli li ma kinux se jagħtuni permess għax Malta għandha diversi sorsi alternattivi ta’ ilma!….issa jien bħala attivist fil-qasam ta’ l-ilma mhux biss ingħatajt raġunijiet frivoli imma issa poġġew l-melħ fuq ferita meta jiġu jgħiduli bil-miktub li Malta għandha diversi sorsi alternattivi ta’ ilma”. 

Kollox ma’ kollox, l-Inġinier Cremona wasal f’sitwazzjoni li jikkunsidra żewġ għażliet: jew iħarrek lill-Gvern għad-danni minħabba l-ħafna ħela ta’ żmien u spejjeż, jew inkella jżarma. “U żarmajt għax tlift ħafna motivazzjoni”, temm jgħid b’dispjaċir kbir l-Inġinier Cremona.