Dan mhux ‘real deal’ imma esperiment li falla
Il-ftehim li għamel il-Gvern mal-Vitals mhu real deal xejn għax il-Vitals la mmanifestat ruħha u lanqas laħqet l-aspettativi tagħha. Il-fatti huma ċari u tondi li dan l-esperiment falla.
F’intervista li dan il-portal kellu ma’ Martin Balzan, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, ġie enfasizzat li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) tibqa’ issostni l-prinċipji dikjarati tagħha, jiġifieri li l-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma jseħħx mingħajr ma ssir konsultazzjoni magħha u ma’ entitajiet oħrajn li jintlaqtu mill-ftehim.
F’laqgħa li saret bejn il-MAM u l-Gvern nhar it-Tnejn kien reġistrat progress miż-żewġ naħat għax kien hemm skambju ta’ ideat. Iżda għad fadal ħafna xogħol xi jsir mill-MAM kif ukoll mill-Gvern sabiex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem. Fil-fatt il-laqgħa tat-Tnejn kienet inkonklussiva tant li ġiet skedata laqgħa oħra għal-lum l-Erbgħa.
Jekk l-andament tal-laqgħa tal-Erbgħa ma jkunx wieħed sodisfaċenti, il-Kunsill tal-MAM se jkun qed jawtorizza kemm azzjonijiet industrijali kif ukoll oħrajn legali.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija tibqa’ toġġezzjona t-trasferiment tal-kuntratt tal-Vitals lill-kumpanija Steward Health Care. Għalkemm hi taqbel fil-prinċipju dwar Public Private Partnership għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet, il-MAM temmen li t-tmexxija tagħhom għandha tibqa’ f’idejn il-Gvern.
Anki l-UĦM Voice of the Workers kienet u għadha voċifera f’din il-kwistjoni kollha. Il-union tikkontendi li, fost oħrajn, hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jitwieġbu – mistoqsijiet ta’ interess nazzjonali, ta’ interess għall-ħaddiema u ta’ interess għal kull ċittadin. Dan għax quddiemna għad għandna storja mħawwda.
Ejja ma nilgħabux mal-ħobża ta’ kuljum tal-ħaddiema għax, fl-aħħar mill-aħħar, hawn ħafna professjonisti li jridu jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dan is-servizz. L-inqas ħaġa li wieħed jippretendi hi li jingħata rispett lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u lill-pubbliku ġenerali.
Mistoqsi dwar jekk l-Assoċjazzjoni hix rispettata mill-Gvern, is-Segretarju Ġenerali tal-MAM wieġeb li l-fatt li saret u ġiet obduta direttiva, il-union immexxija minnu issa qed tkun rispettata iżjed.
Li jħoll u jorbot hu l-esitu mil-laqgħa tal-Erbgħa. Nistennew u naraw.