L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għamlu progress sinifikanti sabiex jiggarantixxu li ċ-ċittadini milqutin bil-Brexit iżommu drittijiethom, iżda kwistjonijiet prinċipali għad iridu jiġu solvuti. 

F’seduta li saret fl-1 ta’ Frar, l-Ewro Parlamentari tal-kumitati dwar il-Libertajiet Ċivili, ix-Xogħol u l-Petizzjonijiet, saħqu li se jibqgħu jiġġieldu sabiex jassiguraw li, kemm iċ-ċittadini tal-UE li qed jgħixu fir-Renju Unit, u ċ-ċittadini Ingliżi fi stati membri oħrajn, igawdu s-sett sħiħ ta’ drittijiet matul ħajjithom. 

Fost l-elementi li għadhom pendenti, huma rrimarkaw dwar l-istat tal-imsieħba tal-ġejjieni, is-sitwazzjoni matul il-perijodi tranisitorju, aktar ċarezza dwar il-proċedura amministrattiva biex tkun segwita sabiex wieħed jikseb residenza, l-implimentazzjoni tad-dritt tal-moviment ħieles wara l-Brexit tkun mitmuma u li jkunu eżerċitati d-drittijiet politiċi (bħall-votazzjoni u li tkun elett). 

Rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini The 3 million, British in Europe u New Europeans, kif ukoll akkademiċi u esperti oħrajn, ippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom lill-Ewro Parlamentari. 

Qabel is-seduta, Guy Verhofstadt, il-Koordinatur prinċipali dwar il-Brexit tal-Parlament, qal: “Il-kummenti tal-Prim Ministru May jidhru li huma parti minn taħdita domestika fi ħdan il-Kabinett tar-Renju Unit, u jheddu li jżidu l-inċertezzi eżistenti għaċ-ċittadini, li hu ta’ dispjaċir. Il-proposta tal-Prim Ministru May biex tagħmel distinzjoni bejn dawk li jaslu qabel Marzu 2019 u matul it-transizzjoni, tista’ twassal għal diskriminazzjoni kontra ċittadini  tal-UE fir-Renju Unit u ċittadini Ingliżi fir-Renju Unit. Iċ-ċittadini tal-UE jikkontribwixxu għar-Renju Unit; x’tip ta’ messaġġ qed jintbagħat lilhom?” 

“Iż-żamma tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE matul it-transizzjoni mhix negozjabbli. Mhux  se naċċettaw li jkun hemm żewġ settijiet ta’ drittijiet għal ċittadini tal-UE. Għat-transizzjoni tax-xogħol, irid ikun hemm kontinwazzjoni tal-acquis eżistenti, mingħajr eċċezzjonijiet.”