Bħala parti mill-azzjonijiet biex jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea, f’Diċembru 2017, addottat proposta għal Direttiva ġdida għal aktar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli madwar l-UE.  

Meta tikkunsidra r-realtajiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol tal-Ewropa, il-proposta tal-Kummissjoni tikkumplimenta u timmodernizza l-obbligi eżistenti ta’ min iħaddem sabiex jinformaw kull impjegat/a dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu/tagħha. Barra minn hekk, il-proposta toħloq livelli minimi ġodda li jridu jintlaħqu sabiex ikun assigurat li l-impjegati kollha, fosthom dawk fuq kuntratti mhux konvenzjonali, jibbenefikaw minn aktar kundizzjonijiet tax-xogħol prevedibbli u raġonevoli. 

Il-proposta tal-Kummissjoni hi mmirata sabiex taġġorna id-Direttiva dwar Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-1991 li kellha bżonn bidla radikali. Għaldaqstant, din il-proposta riċenti tfittex li ddaħħal fis-seħħ numru ta’ bidliet sabiex tassikura l-aħjar protezzjoni ta’ ħaddiema vulnerabbli. 

Il-Kummissjoni tistma li bejn żewġ miljun u tliet miljun aktar impjegati fuq kuntratti mhux-tipiċi se jkunu koperti u protetti bil-proposta mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuq min iħaddem. 

Id-Direttiva proposta trid tkun addottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE, u tiġi implimentata mill-istati membri, jew permezz ta’ liġi jew inkella bil-ftehim kollettivi tal-imsieħba soċjali.