Il-professjonalita’ hi definita bħala l-imġieba tal-individwu fil-post  tax-xogħol. Minkejja t-tifsira ta’ din il-kelma, din il-kwalita’ mhix ristretta għal dawk li aħna niddeskrivu bħala “il-professjonijiet”, li tipikament huma karrieri li jeħtieġu ħafna studju u salarji kbar assoċjati magħhom.  

Diversi kaxxieri, ħaddiema tas-sengħa u waitresses, biex insemmu xi ftit, jistgħu juru livell għoli ta’ professjonalita’, għalkemm dawn ix-xogħolijiet jeħtieġu taħriġ minimu u l-ħaddiema jispiċċaw biex jaqalgħuha u  jiekluha. Diversi tobba, avukati u inġiniera – spiss imsejħa professjonisti – jistgħu ma juru ebda professjonalita’ f’xogħolhom. 

Tista’ tobsor jekk qatt xi ħadd jinnota li inti ma turix imġieba professjonali waqt il-ħin tax-xogħol? Sakemm inti taqdi dmirek tajjeb, kollox sew. Imma s-superjur tiegħek, il-klijenti u l-kollegi jagħtu kasek. Huma jinnotaw jekk inti għandekx din il-kwalita’ u, jekk le, tista’ iġġarrab konsegwenzi serji fil-karriera tiegħek. Ikun żball kbir jekk tnaqqas mill-importanza tal-professjonalita’. Tista’ taffettwalek l-opportuntajiet tiegħek għal xi avvanz jew saħansitra l-abbilta’ li żżomm l-impjieg tiegħek. 

Allura kif nistgħu nuru l-professjonalita’ tagħna? 

Agħmel prijorita’ li tkun  fil-ħin – Meta tasal tard għax-xogħol jew għal-laqgħat, tkun qed tagħti impressjoni ħażina lis-superjur tiegħek u lill-kollegi, li inti ma tagħtix kas xogħolok u, jekk taffettwahom, qisek qed tgħid li inti ma tivvalutax ħinhom. Agħti kas l-arloġġ. Asal ta’ l-inqas ftit minuti qabel ma tibda x-xogħol u rritorna mill-brejk fil-ħin. 

Tgergirx – Ħalli barra l-burdati ħżiena. Toħodhomx ix-xogħol. Kull wieħed u waħda minna jkollu dawk il-ġranet fejn ma nkunux fl-aqwa tagħna. Tillatikax mas-superjur tiegħek, mal-kollegi jew mal-klijenti. Jekk ix-xogħol qed joħloqlok il-burdati ħżiena,  mela wasal iż-żmien li tfittex xogħol ieħor. 

Ilbes b’mod xieraq – Kemm jekk ikollok tilbes pulit jew inkella tilbes ilbies aktar casual, id-dehra tiegħek għandha dejjem tkun xierqa u nadifa. 

Igdem ilsienek – Id-dagħa u l-kliem ħażin ma jsibu posthom kważi f’ebda post tax-xogħol. Sakemm inti taf li hu ttollerat fil-post fejn taħdem, evita milli titkellem pastaż, partikularment jekk dawk li  tista’ toffendi jinsabu preżenti. Kliem id-deheb: jekk inti ma toffendix lil nanntek, titkellimx ħażin fil-post tax-xogħol. 

Għin lill-kollegi – Professjonist ta’ veru hu lest li jgħin lill-kollegi tiegħu jew tagħha meta dawn ikunu mifnija bix-xogħol jew qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfida partikulari. Jekk il-kollega tirrifjuta l-offerta tiegħek, iddejjaqx lil dak li jkun. Forsi l-persuna tippreferi taħdem waħidha. 

Toqgħodx tgħid fuq ħaddieħor – Jekk inti taf xi ħaġa fuq xi ħadd u tixtieq taqsamha  ma’ ħaddieħor, għidha lil xi persuna li m’għandux x’jaqsam mal-post tax-xogħol, bħal oħtok, ommok, il-mara jew lil xi ħabib tal-qalb. 

Ipprova ibqa’ pożittiv – In-negattiv jittieħed. Jekk inti tilmenta l-ħin kollu dwar il-post tax-xogħol, tkun qed twaqqa’ il-morall ta’ ħaddieħor. Dan ma jfissirx li m’għandekx titkellem dwar xi affarijiet li huma ħżiena. Iżda jekk inti sempliċiment qed tilmenta għal ebda raġuni, allura aħjar tieqaf. 

Tinħebiex wara l-iżballji tiegħek – Diffiċli kemm hu diffiċli, ammetti l-iżballji tiegħek u mbagħad agħmel l-aħjar biex tikkoreġihom. Oqgħod attent li ma tirrepetix l-iżballji. Qatt twaħħal f’ħaddieħor. Minflok, kun ta’ eżempju sabiex dawk li  huma responsabbli għall-iżball jagħmlu pass ‘il quddiem u jammettu  l-parti tagħhom. 

Dejjem imxi b’mod ġust – Xi darba  jew oħra se jkollok xi diżgwid mal-kollegi jew saħansitra mas-superjur tiegħek. Tħallix lilek innifsek irrabjat. Ma jimpurtax kemm inti urtat jew kemm verament temmen li għandek raġun – l-għajat u t-twerżiq fil-post tax-xogħol m’humiex it-tollerati u lanqas mhu ttollerat it-tgħajjir jew it-tisbit tal-bibien. Bil-kalma kollha spjega l-opinjoni tiegħek u kun lest li twarrab jekk il-persuna l-oħra tibda titlef il-kontroll. Bla dubju ta’ xejn, m’għandek qatt tiġi fl-idejn. 

Tigdibx – Id-diżonesta’ dejjem tpoġġik f’qagħda ħażina, kemm jekk tigdeb fis-CV tiegħek jew jekk tirrapporta sick meta ma tkunx. Professjonist ta’ veru hu dejjem onest. 

Fl-aħħar  mill-aħħar, li tkun professjonali verament ifisser li tagħmel minn kollox sabiex ħaddieħor jarak bħala persuna li tiddependi fuqha, tar-rispett u kompetenti.