Rapurtati 35 każ fis-sena ta’ vjolenzi ta’ minorenni fuq adulti
Kull sena hemm madwar ikunu rappurtati madwar 35 każ ta’ abbuż vjolenti minn minuri kontra l-ġenituri jew il-kustodji tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn l-inċidenti jinvolvu tfal minn familji bi problemi fejn il-ġenituri ma jkunu għadhom flimkien.
Din iċ-ċifra ġiet żvelata minn kelliema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) fi tweġiba għal mistoqsijiet mibgħuta minn Voice of the Workers Weekly dwar rapport mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja. Għalkemm tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dan l-aħħar, ir-rapport huwa datat Lulju 2019 u fih il-kummenti ewlenin li saru f’numru ta’ laqgħat dwar dan it-tip ta’ abbuż dik is-sena stess. Barra minn hekk ir-rapport fih tmien rakkomandazzjonijiet miġbura mill-opinjonijiet espressi mid-diversi esperti li kienu ġew mistiedna jagħmlu preżentazzjoni inkluż mill-FSWS.
Jirriżulta li każijiet bħal dawn bdew jiżdiedu mill-2014 meta l-Aġenzija Appoġġ iddeċidiet li tipprovdi taħriġ speċjalizzat dwar dan it-tip ta’ abbuż li jvarja minn dak fiżiku għal emozzjonali u psikoloġiku. Il-kumitat sema’ li l-età medja tal-ġenituri li jsofru dan l-abbuż tvarja minn 30 sa 45 sena. Barra minn hekk, numru ta’ każijiet mhumiex qed jiġu rappurtati billi l-vittmi jibżgħu li jiġu umiljati meta jgħidu li ġew abbużati minn minuri jew għax jibżgħu li jirrifletti ħażin fuqhom dwar it-trobbija li taw lil uliedhom stess.
Fir-rigward tar-raġunijiet li jwassal għal aġir bħal dan, l-esperti qalu li t-tfal jistgħu jkunu qed jiġu influwenzati minn xi ġenitur li jirrikorri għall-vjolenza domestika. Imġieba bħal din tista’ tkun ukoll riżultat tar-rabja tat-tifel/tifla kontra t-trattament ħażin li rċevew aktar meta kienu iżgħar bħall-abbandun mill-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
Filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni, il-kumitat kien ressaq tmien rakkomandazzjonijiet biex jindirizza abbuż bħal dan. Dawn kienu jipproponu aktar riċerka, kampanji ta’ għarfien u anke korsijiet obbligatorji għal ġenituri prospettivi marbuta li mingħajrhom ma tieħux children’s allowance. Barra minn hekk, il-kumitat kien talab biex tingħata għajnuna immedjata lit-tfal li jwettqu abbuż bħal dan, aktar appoġġ fl-iskejjel u inċentivi biex iħajru lin-nies jibdew karriera fil-professjonijiet tal-kura soċjali.
Għal xi raġuni kien biss dan l-aħħar li r-rapport li kien tlesta f’Lulju 2019, tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja Anthony Agius Decelis. Dan ħa t-tmexxija tal-kumitat wara t-tibdil fil-Kabinett li kien seħħ f’Jannar 2020 meta Robert Abela sar prim ministru. Fi żmien li kien sar dan ir-rapport il-kumitat kien presedut minn Rosianne Cutajar.
Dan il-portal ħa l-kummenti tal-FSWS, li tinkorpora taqsima speċjalizzata fl-abbuż ta’ minuri fuq adulti, dwar il-ħidma tagħha biex timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Kelliema qalet li għaddej ix-xogħol fuq taħriġ għall-professjonisti tagħhom flimkien mal-Kummissjoni għall-Vjolenza Ibbażata fuq is-Sessi u l-Vjolenza Domestika. Madankollu, il-Fondazzjoni qalet li tixtieq tara aktar riċerka lokali dwar il-kwistjoni li tkun ibbażata fuq l-esperjenzi tal-ġenituri vittmi u minuri li għamlu dan l-abbuż.
Fir-rigward tal-kampanji edukattivi l-kelliema qalet li l-Fondazzjoni tieħu sehem attiv fil-mezzi tax-xandir bil-għan li tqajjem kuxjenza, inkluż programm reċenti ta’ diskussjoni prime-time li ffoka fuq il-vjolenza tat-tfal fuq il-ġenituri. L-FSWS insistiet li kull meta ltaqgħu ma’ abbuż bħal dan, offrew għajnuna immedjata. Il-kelliema irrimarkat li l-Fondazzjoni tippromwovi professjonijiet fil-kompetenza tagħha fuq bażi regolari f’fieri għaż-żgħażagħ u l-istudenti u f’fora oħra edukattivi.
Dwar ir-rakkomandazzjonijiet l-oħra, il-kelliema qalet li dawn ma jaqgħux direttament taħt ir-responsabbiltà tagħhom iżda tas-settur edukattiv u s-Sigurtà Soċjali
Voice of the Workers Weekly bagħat mistoqsijiet lill-President tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja Anthony Agius Decelis, dwar il-miżuri meħuda biex jiġu implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Madankollu, bqajna bla risposta.