Regolamenti ġodda dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa
Regolamenti Ewropej dwar ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu f’pajjiżi oħrajn, ibbażati fuq “ħlas indaqs għall-istess xogħol”, se japplikaw għat-twassil ta’ oġġetti b’kull mezz ta’ trasport. Dan skont emendi approvati mill-Kumitat tat-Trasport fi ħdan il-Parlament Ewropew. Dan ifisser li l-istess regolamenti tal-ħlas japplikaw għal sewwieq ta’ trakk li jwassal l-affarijiet fi stat membru ieħor wara xi trasportazzjoni bejn pajjiż u ieħor, u sewwieqa fil-pajjiż fejn ikun qed jaħdem.
Ewro Parlamentari fi ħdan il-Kumitat tat-Trasport ukoll ipproponew bidliet sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ta’ mistrieħ aħjar għas-sewwieqa. Bħala eżempju, il-kumpaniji se jkollhom jorganizzaw it-timetables tagħhom sabiex, darba kull tliet ġimgħat, is-sewwieqa jkollhom l-opportunita’ li jirritornaw id-dar jew lejn lokalita’ oħra tal-għażla tagħhom għal waqfa ta’ ġimgħa għall-mistrieħ.
L-assigurazzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta
Ir-regolamenti fi stadju ta’ abbozz jimmiraw li jtejbu l-ispezzjonijiet fuq is-sewwieqa u fit-toroq kif ukoll biex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ħalli jindirizzaw il-frodi relatati mal-ħin tax-xogħol, il-perijodi ta’ mistrieħ, it-trasport b’kull mezz u l-istazzjonar tal-ħaddiema.
L-Ewro Parlamentari appoġġjaw il-limiti l-ġodda tal-ħin biex l-affarijiet ikunu trasportati fi ħdan pajjiż ieħor Ewropew wara li jkunu qassmu l-fruntiera, minflok il-limitu preżenti bbażat fuq in-numru ta’ trasportazzjonijiet. Il-qasma minn fruntiera għal oħra trid tkun irreġistrata sabiex wieħed ikun jista’ jaqbad il-frodi.
Sabiex tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ dawk il-kumpaniji reġistrati fi stat membru ieħor ħalli jinqatgħu l-ispejjeż relatati filwaqt l-attivita’ kummerċjali prinċipali titmexxa f’pajjiż ieħor, in-negozji se jkunu obbligati li jkollhom attivitajiet kummerċjali sostanzjali fl-istat membru fejn ikunu reġistrati.
L-eliminazzjoni tal-burokrazija u aktar ħidmiet effiċjenti
Il-leġislazzjoni fi stadju ta’ abbozz tipprovdi lista limitata ta’ prerekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll li l-istati membri jistgħu jimponu fuq operaturi dwar stazzjonar, sabiex il-burokrazija tkun evitata.
Investigazzjonijiet u verifiki jridu jiffokaw fuq kumpaniji li għandhom rata ta’ riskju baxxa u jridu jnaqqsu l-piż amministrattiv għal dawk l-operaturi li jimxu mal-liġi.
L-Ewro Parlamentari wkoll iridu dokumenti elettroniċi u teknoloġiji diġitali biex ikunu wżati b’mod aktar effiċjenti ħalli l-piż għas-sewwieqa jkun faċilitat.