Xejn korrettiv fil-ħabs ta’ Kordin
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li suppost tagħti ċans lil dawk li nstabu ħatja ta’ xi reat serju li jirriformaw ruħhom, qed isservi ta’ kollox barra għal dan l-iskop. Il-fatt li fl-aħħar tliet snin biss 12-il priġunier mietu waqt li kienu qed jiskontaw sentenza l-ħabs jitkellem waħdu. L-aħħar vittma f’din l-istatistika li tkexkex kienet mara ta’ 29 sena li nstabet mejta tliet ġimgħat biss wara li ppruvat tagħmel suwiċidju. Aktar xokkanti minn hekk hu l-fatt li din il-priġuniera – li kienet intbagħtet sentejn ħabs wara li ammettiet sitt akkużi ta’ frodi u serq fi Frar li għadda – ġiet miċħuda l-opportunità li tibda programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga minħabba restrizzjonijiet legali. Fil-preżent, il-priġunieri jistgħu jingħataw din l-opportunità biss wara li jkunu qattgħu mill-inqas sitt xhur il-ħabs.
Faċilità korrettiva għandha titmexxa b’dixxiplina iżda b’umanità. L-għan aħħari m’għandux ikun li ssir vendetta mal-kriminali billi jkunu trattati bħall-annimali. Aġir bħal dan iservi biss biex ikun hemm ribelljoni akbar lejn is-soċjetà filwaqt li jiżdied iċ-ċans li l-priġunieri jerġgħu jispiċċaw ġewwa fi ftit xhur. Faċilità korrettiva għandha tkun waħda li tnissel sens ta’ dixxiplina iżda fl-istess ħin tħeġġeġ u tgħin lill-priġunieri biex jirriformaw ruħhom.
Sfortunatament, l-affarijiet taħt id-direttur preżenti jidhru li ħadu direzzjoni inkwetanti ħafna. Kollox beda xi xhur ilu meta bdew joħorġu stejjer dwar priġunieri li kienu mqiegħda bil-forza fuq siġġu tat-trażżin, jew “is-siġġu tal-kastig” kif kien magħruf fost il-ħabsin. Iktar xokkanti minn hekk kien il-fatt li l-awtoritajiet taw dikjarazzjonijiet kontradittorji dwar dak li kien qed jiġri waqt li pruvaw jiskreditaw dawn ir-rapporti.
Tqajjem ukoll tħassib dwar id-deċiżjoni l-priġunieri li jikkommettu reati fil-faċilità stess jitqiegħdu f’iżolament totali. Tali prattika tista’ tikkawża impatt psikoloġiku sever li jista’ jfixkel iċ-ċansijiet tal-priġunier li jirriabilitaw ruħhom wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom. Żgur, hemm modi oħra kif tikkastiga priġunieri li jġibu ruħhom ħażin mingħajr ma tkun perikolata s-saħħa mentali u fiżika tagħhom.
Jekk verament nemmnu li kull min jikkommetti reat serju għandu jingħata l-opportunità li jibda ħajja ġdida, fil-ħabs ta’ Kordin għandha tittieħed azzjoni urġenti. L-ewwel nett, is-sejbiet tal-inkjesti maġisterjali dwar it-12-il mewt irreġistrati fl-aħħar tliet snin għandhom jiġu ppubblikati. Il-pubbliku jistħoqqlu jkun jaf ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet billi fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li qed taffettwa lis-soċjetà kollha u mhux biss lill-qraba tal-ħabsin. In-nies għandu jkollhom moħħhom mistrieħ li dawn l-imwiet ma kinux ir-riżultat ta’ sistema falluta. Madankollu, il-Ministeru tal- Interni qed jirreżisti sejħiet bħal dawn. F’Diċembru li għadda l-ministru nnifsu m’aċċettax din il-kritika u qal li minn dawn l-inkjesti (s’issa ħamsa biss minn 12 tlestew) ħareġ li 75 fil-mija ta’ dawn l-imwiet kienu b’kawżi naturali. Dan il-fatt innifsu hu ta’ tħassib serju għax il-maġġoranza ta’ dawn il-priġunieri kellhom bejn 30 u 50 sena biss. U xi ngħidu dwar il-25% li jifdal tal-każijiet? Dawn kif mietu?
Is-sitwazzjoni teħtieġ attenzjoni urġenti. Tali azzjoni m’għandhiex tillimita ruħha għall-bini ta’ faċilità ġdida biex tilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni tal-ħabs. Jekk verament nemmnu f’sistema ta’ ġustizzja riparattiva, l-għan aħħari għandu jkun li nbiddlu l-priġunieri f’persuna aħjar. Li jkunu trattati bla dinjità hu ta’ għajb mhux biss għal min imexxi l-ħabs iżda għas-soċjetà kollha għax imorru kontra l-valuri tar-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.