Din is-sena Malta qed tfakkar 100 sena ta’ demokrazija parlamentari. Kien fl-14 t’April, tal-1921 meta saret l-ewwel seduta tal-Kamra tar-Rappreżentanti eletta demokratikament fis-Sala tal-Arazzi fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Minn perspettiva demokratika din l-istituzzjoni għamlet passi kbar ’il quddiem l-aktar permezz tal-vot għal kulħadd fl-1947 u t-tnaqqis tal-età minima tal-vot għal 16-il sena ftit snin ilu. Meta mqabbel ma’ seklu ilu, il-parlament huwa ferm iktar rappreżentattiv tas-soċjetà Maltija. Deċiżjonijiet importanti oħra kienu dik li l-Kamra tad-Deputati jkollha l-bini dedikat tagħha stess fl-2015, u l-Att dwar is-Servizzi Parlamentari fl-2017 li ta aktar awtonomija lil din l-istituzzjoni.

Minkejja dan, għad hemm lok għal titjib fejn tidħol il-funzjoni ewlenija tal-Kamra tad-Deputati – li tgħaddi l-liġijiet. Sfortunatament, ħafna drabi, id-dibattiti parlamentari ikunu kemxejn fqar. Dawn ikunu karatterizzati minn diskorsi twal b’retorika politika u nieqsa minn kwalunkwe argument solidu li jkun ibbażat fuq ir-riċerka. Barra minn hekk, il-preżenza waqt dawn id-dibattiti tkun fjakka  billi l-Membri Parlamentari jitfaċċaw biss biex jimmarkaw lilhom infushom preżenti u ma jeħlux multa ta’ €50, jew inkella biex jagħmlu d-diskors tagħhom. F’ħafna ħinijiet dawk preżenti jkunu biss iż-żewġ whips rispettivi, l-Ispeaker u xi ftit deputati tgħoddhom fuq subgħajk.

Min-naħa l-oħra, il-Membri Parlamentari ilhom is-snin jilmentaw li meta mqabbla ma’ demokraziji moderni oħra tal-Punent, għandhom riżorsi limitati ħafna jekk mhux xejn. Huwa fatt li hemm bżonn urġenti li l-Membri Parlamentari ikollhom l-għajnuna ta’ riċerkaturi. Dan fl-isfond tal-fatt ukoll li d-deputati jridu jlaħħqu mal-professjoni, ix-xogħol jew mhux id-dmirijiet ministerjali.

Li jkollok deputat full-time tista’ tkun is-soluzzjoni. Fiż-żminijiet tal-lum anki biex tmexxi organizzazzjoni volontarja ta’ daqs medju għandek bżonn il-full-timers. Minkejja, dan l-ogħla istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna, li hi pilastru fis-saltna tad-dritt, għadha titħaddem fuq mudell part-time, li nħoloq mitt sena ilu meta Malta kienet għadha kolonja u ma kellhiex jedd fuq id-difiża u l-affarijiet barranin.

Dawk favur jargumentaw li leġislatur full-time jista’ jiddedika aktar ħin lill-parlament li apparti s-sessjonijiet plenarji, jinkludi impenji oħra bħal kumitati u parteċipazzjoni f’fora internazzjonali. Huwa loġiku li wieħed jistenna li kull min jagħżel din ir-rotta jirċievi ħlas adegwat. Għalkemm dan jista’ punt kontroversjali xi ħadd irid jieħu deċiżjoni.

Barra minn hekk, deputat full-time ikun mistenni li jkun preżenti l-parlament għas-seduti kollha il-ħin kollu sakemm ma jkunx hemm impenji oħra relatati mal-parlament stess. Jekk hawn min jaħseb li dan ikun kontroll żejjed, staqsu lilkom infuskom jekk min iħaddem – f’dan il-każ il-poplu – ikunx lest jaċċetta li l-impjegati jiġu għax-xogħol meta jkollhom aptit biss.

In-naħa l-oħra tal-munita hija li deputat full-time jista jaqta’ qalb nies validi milli jidħlu fil-politika. Dan għaliex min ikun kiseb suċċess fil-karriera se jsibuha bi tqila biex iħalli kollox f’każ li jiġi eletti fil-parlament. Iżda dan ma jfissirx li ma hemmx nies validi fil-kumplament tal-popolazzjoni.

Tali dibattitu għandu jimxi id f’id ma’ miżuri biex jgħollu l-istandards etiċi li jirregolaw il-kondotta tal-Membri Parlamentari tagħna, id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom u titneħħa l-prattika li l-Membri Parlamentari jitpoġġew fit-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi peress li hu f’kunflitt dirett mal-funzjoni tagħhom li jżommu l-eżekuttiv taħt skrutinju kontinwu. Fl-1953 Mabel Strickland kellha tirriżenja mill-parlament wara deċiżjoni tal-qorti li kienet sabet li fatt li l-Progress Press (propjetà tagħha) stampat dibattiti tal-assemblea leġiżlattiva u tal-lottu pubbliku, kien ikkostitwixxa kunflitt ta’ interess. Ta’ min wieħed jistaqsi – Jekk l-istess ħaġa tiġri llum, id-deputat jirriżenja jew jeħlisha ħafif?

Irrispettivament mill-opinjonijiet li wieħed jista’ jkollu fuq dawn l-aspetti, hemm biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li f’dawn il-100 sena sar progress fuq diversi fronti. Madankollu, fejn tidħol il-funzjoni ewlenija tal-parlament – li jilleġiżla u li jkun ix-xempju ta’ imġieba korretta, fadlilna x’naqdfu.