Varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-irġiel u n-nisa u skont ir-reġjun

Fl-2019, l-impjegati f’Malta bħala medja kellhom salarju bażiku gross annwali ta’ €19,594, iżda għal darb’oħra kien hemm differenza sinifikanti bejn is-sessi hekk kif l-irġiel qabżu n-nisa b’aktar minn €3,000. Dawn l-ammonti jeskludu bonuses, allowances jew sahra u huma kkalkulati fuq il-paga gross qabel kwalunkwe tnaqqis għal taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Filwaqt li l-irġiel jaqilgħu medja ta’ €20,974 fis-sena, iċ-ċifra rispettiva għan-nisa kienet ta’ €17,771. Id-differenza, magħrufa bħala gender wage gap, kienet tammonta għal €3,203. Fuq nota pożittiva, madankollu, id-differenza fil-pagi naqset b’€452 fuq l-2018.

Xejriet  fil-ħlas tal-impjegati bejn l-2017 u l-2019 kienu s-suġġett ta’ studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq differenzi reġjonali f’oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, it-trasport u l-ambjent.

Analiżi tas-salarji bażiċi gross tal-impjegati turi li dawn kien qed jiżdiedu minn €17,957 fl-2017,  għal €18,773 fl-2018 u  €19,594 fl-2019. Barra minn hekk, hemm xi differenzi ġeografiċi bejn li jgħixu fir-reġjun tal-punent tal-Gżejjer Maltin li b’mod konsistenti huma l-aktar imħallsin. Dan ir-reġjun jinkludi Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, l-Iklin, l-Imdina, l-Imtarfa, ir-Rabat u s-Siġġiewi. Jirriżulta li l-medja tas-salarju gross annwali f’dawn il-lokalitajiet kienet ta’ €21,415 (€22,676 għall-irġiel, €19,647 għan-nisa).

Min-naħa l-oħra, l-impjegati li jgħixu fir-reġjun tan-nofsinhar tal-Port il-Kbir kellhom l-inqas salarju bażiku gross annwali bi €17,530 (€18,349 għall-irġiel u €16,260 għan-nisa). Dan ir-reġjun jinkludi t-Tliet Ibliet, il-Fgura, il-Furjana, Ħal Luqa, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, il-Marsa, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Ħal Tarxien, il-Belt u x-Xgħajra. B’mod ġenerali l-akbar diskrepanzi nstabu bejn irġiel li jgħixu fir-reġjun tal-punent li s-salarju bażiku gross medju tagħhom kien ta’ €22,676 u n-nisa fir-reġjun n-nofsinhar tal-Port il-Kbir fejn iċ-ċifra rispettiva kienet ta’ €16,260 – differenza ta’ €6,416.

Din l-istatistika tirrifletti fil-biċċa l-kbira l-livelli ta’ dħul medju disponibbli tal-familji. Fl-2019, il-medja ġenerali kienet ta’ €28,684 fir-reġjun ta’ Malta, żieda ta’ 2% fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna l-introjtu medju disponibbli tal-familji kien ta’ €26, 034, żieda ta’ 9.7 fil-mija fuq l-2018.

Bħal fil-każ tas-salarju gross annwali, ir-reġjun tal-punent kien fuq nett tal-lista b’€34,399, filwaqt li d-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna kien qiegħ il-qiegħ tal-lista segwit mir-reġjun tan-nofsinhar tal-Port il-Kbir.