It-tmexxija tal-ispazju tal-ajru Ewropew għandu jkun irfinat biex jitjiebu r-rotot tat-titjiriet, jitnaqqas id-dewmien fit-titjiriet u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, il-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu sostna.

Il-mandat ta’ negozjar dwar ir-riforma tar-regoli tas-Single European Sky, adottat mill-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu jipproponi modi biex tiġi mmodernizzata l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew sabiex jitnaqqas id-dewmien fit-titjiriet, jitjiebu r-rotot, l-ispejjeż u l-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni.

Il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew

Il-Kumitat tat-Trasport irid li titnaqqas il-frammentazzjoni fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u jtejbu r-rotot billi jkollhom aktar titjiriet diretti. Huma jaqblu li jkun hemm iktar uniformità fis-sistema Ewropea tal-immaniġġjar tal-ispazju tal-ajru. Dan  permezz ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti (NSAs) li jkunu responsabbli għall-ħruġ ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru u operaturi tal-ajruporti, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet tal-immaniġġjar tal-ispazju tal-ajru.

Titjiriet aktar ekoloġiċi

Il-MPE fil-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu jisħqu li dan kollu għandu jsegwi l-Green Deal u jikkontribwixxi sa tnaqqis ta’ 10% fl-emissjonijiet li jħallu impatt fuq il-klima. il-MPE qed jinsistu li l-Kummissjoni għandha tadotta l-miri tal-UE dwar il-kapaċità, l-effiċjenza fl-infiq, it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. Huma jissuġġerixxu wkoll li t-tariffi imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru (linji tal-ajru jew operaturi ta’ ajruplani privati) għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru għandhom jixprunawhom biex ikunu aktar favur l-ambjent, per eżempju billi jippromwovu teknoloġiji alternattivi ta’ propulsjoni nadifa.

Suq iktar miftuħ

Peress li l-MPE jridu aktar kompetizzjoni bejn il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, qed jissuġġerixxu li wieħed jew grupp ta’ stati membri għandhom jagħżlu l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru permezz ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva, sakemm ma tirriżultax f’ineffiċjenza fl-ispejjeż, telf operazzjonali, klimatiku jew ambjentali, jew kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri. L-istess loġika tapplika meta tagħżel servizzi oħra ta’ navigazzjoni tal-ajru.

Il-passi li jmiss

Dan il-vot dwar ir-regoli tal-Ajru Uniku Ewropew jikkostitwixxi l-aġġornament tal-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Parlament adottata lura fl-2014 u għalhekk jikkonferma mill-ġdid ir-rieda tal-MPE li jibdew taħditiet inter-istituzzjonali mal-Kunsill tal-UE. In-negozjati dwar ir-regoli tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-UE (EASA) huma mistennija li jibdew b’mod parallel, wara li r-riżultat tal-vot tal-kumitat jitħabbar fil-plenarja, possibbilment matul is-sessjoni ta’ Ġunju II jew ta’ Lulju.