Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fil-permessi tal-bini maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar. Informazzjoni li ngħatat dan l-aħħar fil-parlament turi li meta mqabbel mal-2019, in-numru ta’ permessi maħruġa mill- fl-2020 naqas b’40%.

Fl-2019 meta s-settur tal-bini kien fl-aqwa tiegħi, l-Awtorità ħarġet 12,485 permess li kien erba’ darbiet aktar mill-2013. Madankollu, is-sena li għaddiet it-tnaqqis fl-industrija tal-kostruzzjoni minħabba l-pandemija beda jinħass sew hekk kif in-numru ta’ permessi approvati niżel għal 7,461 li hu l-inqas ammont mill-2016.

Permessi  f’postijiet ODZ

L-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis tagħti wkoll analiżi dettaljata tal-permessi approvati, fejn jinsabu u t-tip tagħhom.

Is-sena li għaddiet kważi wieħed minn kull tmien permessi maħruġa kienu għal proġetti f’żoni ODZ (barra miz-zona tal-bini) li kienu jammontaw għal 995. Madankollu, kważi nofshom (385) kienu għal proġetti ta’ biedja u sajd li rari jqanqlu kontroversja. Min-naħa l-oħra, inħarġu 115-il permess għal skopijiet residenzjali fuq art ODZ inkluż l-irranġar ta’ binjiet eżistenti. Barra minn hekk, l-Awtorità ħarġet 14-il permess għal pixxini fuq art ODZ. L-istatistika tindika b’mod ċar il-programm qawwi ta’ rikostruzzjoni tat-toroq għax hemm xejn inqas minn 26 permess għal toroq barra l-konfini tal-iżvilupp. Ċifra oħra sinifikanti hi dik li għandha x’taqsam ma’ permessi maħruġa għal xogħlijiet f’residenzi li fl-2020 ammontaw għal 219. Madankollu, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar in-natura ta’ tali xogħlijiet u għalhekk ma kienx possibbli li jkun magħruf jekk dawn kinux jinkludu proġetti kbar. Minkejja l-fatt li t-turiżmu fl-2020 waqaf għal kollox minħabba l-pandemija, inħarġu 114-il permess għal lukandi u akkomodazzjoni turistika li minnhom sitta kienu f’żoni ODZ.

Żvilupp f’Għawdex

L-istatistika tagħti wkoll analiżi tal-permessi maħruġa f’Għawdex. Minkejja t-tnaqqis ikkawżat mill-Covid-19, il-permessi maħruġa f’Għawdex fl-2020 baqgħu relattivament għoljin u ammontaw għal 1,060 li huwa d-doppju ta’ kemm kienu jinħarġu permessi ftit snin ilu. Fir-rigward tal-permessi ODZ f’Għawdex, fl-2020 inħarġu  45 għal djar residenzjali li kienu aktar minn nofs it-total  li nħarġu f’Malta.

Fix-xhur li għaddew  NGOs u sindki tal-lokalitajiet Għawdxin esprimew tħassib dwar dak li ddeskrivew bħala l-iżvilupp bla rażan f’Għawdex, fost tħassib li dan jista’ jħarbat il-karatteristiċi uniċi ta’ din il-gżira u tinqered aktar art verġni.

Dan l-aħħar ukoll, twaqqgħet boathouse fix-Xlendi biex tagħmel post għal blokk ta’ appartamenti ta’ sitt sulari. Dan qanqal kontroversja fost l-ambjentalisti u min iħobb il-wirt storiku wkoll. Madankollu, jidher li l-kwistjoni diġà raqdet fuq ommha  għax dan kollu sar bil-barka tal-awtoritajiet.