L-Ewroparlamentari tal-PN Robert Metsola intgħażlet bħala l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew skedata għal Jannar. Il-PPE għażel lil Metsola permezz ta’ vot, u b’hekk tista’ tkun qed  tieħu post il-President attwali David Sassoli.

Metsola ġabet 112-il vot fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni interna tal-grupp. Il-MPE Olandiża Ester de Lange kisbet 44 vot filwaqt li 18-il MPE vvutaw lill-MEP Awstrijak Othmar Karas.

“Ninsab tassew onorata li ngħatajt mandat qawwi mill-grupp PPE biex inkun il-kandidat tal-familja tagħna għall-President tal-Parlament Ewropew,” qalet Metsola fl-ewwel reazzjoni tagħha waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-mexxej tal-PPE Manfred Weber.

“It-tieni nofs ta’ din il-leġiżlatura se tkun kritika għall-Ewropa – se naħdem ħafna biex inkompli nibni pontijiet f’din l-istituzzjoni hekk kif naħdmu flimkien biex nimbuttaw ’il quddiem files leġiżlattivi importanti u nqarrbu t-teħid tad-deċiżjonijiet lejn in-nies f’kull stat membru,”żiedet tgħid.

Jekk tiġi eletta, Metsola tkun l-ewwel persuna minn Malta li tirbaħ wieħed mill-aqwa karigi tal-UE.